Evalwa l-informazzjoni kontra l-kriterji ta' klassifikazzjoni

Evalwa l-informazzjoni kontra l-kriterji ta' klassifikazzjoni

Wara li tiġbor l-informazzjoni kollha u tevalwa l-validità tagħha, ikun wasal iż-żmien għalik biex tqabbel id-dejta mal-kriterji għall-klassifikazzjoni u tiddeċiedi dwar il-klasifikazzjoni tat-taħlita. Il-kriterji jingħataw għal kull klassi ta' periklu jew differenzjazzjoni fil-Partijiet 2 sa 5 tal-Anness I għar-Regolament CLP.

Fl-evalwazzjoni tad-dejta miġbura, huwa rrakkomandat li ssegwi l-loġika tal-approċċ pass pass fil-Figura1.6.1-a fil-Gwida dwar l-applikazzjoni tal-kriterji CLP. Jeħtieġ li ssegwi s-sekwenza tad-deċiżjonijiet separatament għal kull klassi tal-periklu. Ġeneralment, is-sitwazzjonijiet li ġejjin jeħtieġ li jiġu kkunsidrati:

  • Jekk għal ċerti klassi tal-periklu jkun hemm disponibbli dejta dwar is-sustanzi individwali, id-deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni tat-taħlita tista' tiġi bbażata jew fuq il-konċentrazzjoni tas-sustanzi fit-taħlita, billi jitqiesu l-SCLs u l-fatturi-M, jew abbażi ta' kalkoli bl-użu ta' formuli speċifiċi. Il-metodi huma speċifikati separatament għal kull klassi tal-periklu fl-Anness I għas-CLP (ara t-Taqsima 1.6.3.4 tad-dokument ta' Gwida).
  • Jekk id-dejta tat-testijiet dwar it-taħlita nnifisha tkun disponibbli, tista' prinċipalment tiġi kkomparata direttament mal-kriterji tal-klassifikazzjoni għas-sustanzi fl-Anness I għas-CLP u t-taħlita kklassifikata kif xieraq (ara t-Taqsima 1.6.3.1 tal-Gwida dwar l-applikazzjoni tal-kriterji CLP).
  • Anke jekk ma jkollokx dejta dwar it-taħlita nnifisha, jista' jkollok din għal taħlitiet simili ttestjati. Jekk it-taħlita u t-taħlitiet simili ttestjati jissodisfaw il-kundizzjonijiet spjegati fil-Kapitolu 1.6.3.2tal-Gwida dwar l-applikazzjoni tal-kriterji CLP). prinċipji ta' tqarrib jistgħu jintużaw biex jikklassifikaw it-taħlita. Il-prinċipji ta' tqarrib prinċipalment japplikaw jew għal taħlitiet sempliċi ħafna jew għal bidliet kompożizzjonali diretti ħafna f'taħlita diġà kklassifikata. Il-Gwida tipprovdi eżempji sempliċi dwar il-prinċipji ta' tqarrib.

Jekk tiddeċiedi li l-informazzjoni dwar it-taħlita jew is-sustanzi fit-taħlita ma tkunx biżżejjed għal skopijiet ta' klassifikazzjoni, ikkuntattja lill-fornituri tiegħek.  

Il-proċess tal-evalwazzjoni tal-informazzjoni dwar il-periklu huwa deskritt fil-Kapitolu 2 (Artikoli 9 sa 12) tar-Regolament CLP. Nirrakkomandaw l-użu tat-taqsimiet speċifiċi fl-Anness I għas-CLP biex tagħti struttura lix-xogħol tiegħek.

 

Għal-liema periklu rrid nuża l-informazzjoni dwar is-sustanzi individwali?

Il-karċinoġeniċità, il-mutaġeniċità, it-tossiċità riproduttiva, kif ukoll il-proprjetajiet tal-bijoakkumulazzjoni u l-bijodegradazzjoni fl-evalwazzjoni għall-'perikoluż għall-ambjent akkwatiku' dejjem għandhom jiġu evalwati abbażi tas-sustanzi individwali fit-taħlita.

Barra minn hekk, fil-prattika, il-klassifikazzjoni ta' taħlita għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda u dik respiratorja tkun normalment ibbażata fuq is-sustanzi individwali, minħabba li taħlita għandha tiġi kklassifikata bħala sensitizzatur respiratorju jew tal-ġilda meta mill-inqas komponent wieħed ikun ġie kklassifikat hekk u li jkun preżenti jew ogħla mil-limiti ġeneriċi ta' konċentrazzjoni xierqa.

 

Xi ngħidu dwar l-ittestjar?

Fir-rigward tal-perikli fiżiċi, id-dejta tat-test dwar it-taħlita nnifisha trid tiġi ġġenerata fejn informazzjoni xierqa u affidabbli, eż. minn letteratura ta' referenza jew databases ma tkunx diġà disponibbli.

Is-CLP ma għandux bżonn ta' ttestjar għall-iskop tal-klassifikazzjoni għall-perikli tas-saħħa u ambjentali. Sabiex jiġi evitat ittestjar bla bżonn fuq l-annimali, din id-dejta normalment m'għandhiex tiġi ġġenerata għal taħlitiet. Minflok, l-informazzjoni disponibbli kollha dwar is-sustanzi individwali fit-taħlita għandha tintuża għal deċiżjoni dwar klassifikazzjoni. Xi metodi li jużaw il-kulturi taċ-ċelloli jew it-tessuti jistgħu jkunu applikabbli, eż. għall-ittestjar tal-potenzjal ta' taħlitiet b'pH estremi li għandhom kapaċità ta' lqugħ baxxa.

 

Taħlitiet diġà kklassifikati f'konformità mad-Direttiva 1999/45/KE (Direttiva dwar il-Preparazzjonjijiet Perikolużi)

Kull min ikun applika qabel ir-regoli tad-Direttiva dwar Preparazzjonijiet Perikolużi (DPD) għandhom jieħdu nota li l-applikazzjoni tar-Regolament CLP jinkludi wkoll diversi bidliet fil-formuli tal-kalkolu u l-kriterji ta' klassifikazzjoni, u għalhekk ta' spiss ikunu meħtieġa ir-rikalkolu u r-riklassifikazzjoni. Għall-proprjetajiet bħat-tossiċità akuta, l-irritazzjoni, is-sensitizzazzjoni u t-tossiċità riproduttiva, il-klassifika li tirriżulta tkun ħafna drabi differenti mis-sistema preċedenti, anki jekk id-dejta tal-bażi ma tkunx inbidlet. Meta tikklassifika mill-ġdid, kun żgur li tikkunsidra l-kapitoli rilevanti kollha fl-Anness I għar-Regolament CLP, kif spjegat aktar fil-Gwida dwar l-applikazzjoni tal-kriterji CLP.

Jekk it-taħlita tiegħek tkun diġà ġiet ikklassifikata f'konformità mad-DPD (qabel l-1 ta' Ġunju 2015) u minkejja l-isforzi kollha ma jkollokx aċċess għall-ebda dejta dwar it-taħlita jew is-sustanzi fit-taħlita, jista' jkun possibbli li tuża t-tabella ta' traduzzjoni1.1 fl-Anness VII għas-CLP biex tikkonverti xi klassijiet ta' periklu mill-klassifikazzjoni DPD preċedenti għall-klassifikazzjoni f'konformità mas-CLP. Madankollu, huwa importanti li tinnota li meta d-dejta għas-sustanza jew taħlita tkun disponibbli għal klassi ta' periklu, is-sustanza jew it-taħlita trid tiġi kklassifikata f'konformità mal-kriterji CLP u t-tabelli tal-Anness VII m'għandhomx jintużaw. Informazzjoni ġdida tista' taffettwa klassifikazzjoni u għalhekk il-klassifikazzjoni DPD jista' ma tibqax preċiża u l-użu tat-tabella tat-traduzzjoni ma tagħtix riżultat aċċettabbli.

It-tabella tat-traduzzjoni għandha tintuża biss biex tgħin tipprovdi direzzjoni għal klassifikazzjoni possibbli tat-taħlita. Il-possibiltajiet u l-limitazzjonijiet għall-użu tal-Anness VII għas-CLP huma spjegati fil- Kapitolu 1.7 tal-Gwida dwar l-applikazzjoni tal-kriterji CLP.

Evalwa l-informazzjoni kontra l-kriterji ta' klassifikazzjoni