Progress fil-valutazzjoni

Skont l-Artikolu 54 ta’ REACH, l-ECHA qed tirrapporta dwar il-progress li sar fl-2018 fil-valutazzjoni tad-dossier u tas-sustanza. 

L-informazzjoni li tasal bħala riżultat ta’ deċiżjoni tal-ECHA tiġi skrinjata biex jiġi vverifikat jekk it-talbiet ġewx issodisfati u l-periklu jew it-tħassib iċċarat, u biex jiġi identifikat kwalunkwe każ fejn jistgħu jkunu meħtieġa aktar azzjonijiet regolatorji.

Segwitu għall-valutazzjoni tad-dossier

Taħt valutazzjoni tad-dossier, ġew ikkontrollati 229 dossier ta’ reġistrazzjoni. F’70 każ, ir-reġistranti ma kinux konformi mal-informazzjoni mitluba. 23 sustanza ġew immarkati għal klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati.

Numru u riżultat ta’ segwiti għall-valutazzjoni tad-dossier

Tip ta’ deċiżjoni Riżultat
  Każijiet konformi sal-iskadenza Każijiet konformi wara l-involviment ta’ awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar* Każijiet mhux konformi li għadhom miftuħin** Każijiet mhux konformi u nħarġet deċiżjoni ġdida*** Proposta għal proċess regolatorju ulterjuri
Deċiżjonijiet dwar proposti ta’ ttestjar 64 20 13 32 17 CLH
Deċiżjonijiet dwar il-kontroll tal-konformità 59 16 15 10 6 CLH
Total 123 36 28 42 23 CLH

CLH: klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati
* Ma ngħatat l-ebda informazzjoni jew ingħatat informazzjoni inadegwata sal-iskadenza. L-ECHA stiednet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jikkunsidraw l-azzjonijiet ta’ infurzar fir-rigward tar-reġistrant. Dan wassal għal aġġornament tad-dossier b’informazzjoni suffiċjenti.
** Ma ngħatat l-ebda informazzjoni jew ingħatat informazzjoni inadegwata sal-iskadenza. L-ECHA stiednet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jikkunsidraw l-azzjonijiet ta’ infurzar fir-rigward tar-reġistrant. L-informazzjoni mitluba għadha ma ġietx ipprovduta.
*** L-informazzjoni ġiet ipprovduta, iżda r-rekwiżit ta’ informazzjoni ma ġiex issodisfat.

Segwitu għall-valutazzjoni tas-sustanza

Taħt il-valutazzjoni tas-sustanza, ġew evalwati 23 sustanza. Għal sustanza waħda, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw l-azzjonijiet ta’ infurzar lejn ir-reġistranti għaliex l-informazzjoni mitluba ma ġietx ippreżentata b’mod adegwat sal-iskadenza. Għal 10 sustanzi, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ valutazzjoni talbet aktar informazzjoni fuq il-bażi li l-informazzjoni sottomessa ma ċċaratx it-tħassib, jew qajmet aktar tħassib.

Għat-12-il sustanza li jifdal, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ valutazzjoni qieset li l-informazzjoni disponibbli kienet biżżejjed biex tiċċara t-tħassib u tikkonkludi dwar il-ħtieġa għal kwalunkwe azzjoni regolatorja ulterjuri. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ valutazzjoni tista’ tipproponi waħda jew aktar mill-azzjonijiet regolatorji ulterjuri li ġejjin biex tindirizza t-tħassib:

  • Proposta għal klassifikazzjoni u tikkettar armonizzati għal karċinoġeniku, mutaġeniku jew tossiku għar-riproduzzjoni, sensitizzaturi respiratorji jew effetti oħra.
  • Proposta biex is-sustanza tiġi identifikata bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna (SVHC).
  • Proposta biex tiġi ristretta s-sustanza.
  • Azzjonijiet barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ REACH bħal proposta għal limiti ta’ esponiment fuq ix-xogħol fl-UE kollha, miżuri nazzjonali jew azzjonijiet industrijali volontarji.

Għal 9 mit-12-il valutazzjoni tas-sustanza konklużi wara l-valutazzjoni ta’ segwitu, ġew proposti aktar azzjonijiet regolatorji mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ valutazzjoni.