Boroż ta' taħriġ

L-ECHA tfittex gradwati li għadhom kemm ikkwalifikaw li huma lesti li jagħtu kontribut fix-xogħol ta' kuljum tal-Aġenzija.

Hemm sa 20 opportunità ta' apprendistat għall-gradwati kull sena fl-oqsma xjentifiċi bħall-kimika, it-tossikoloġija, il-bijoloġija, ix-xjenza ambjentali u t-teknoloġiji, u d-dmirijiet amministrattivi bħal-liġi, il-komunikazzjonijiet, il-finanzi, ir-riżorsi umani u l-ICT. Normalment l-apprendistati jibdew fil-bidu ta' Marzu jew Settembru.

L-iskema ta' apprendistat hija mfassla għal:

  • Gradwati universitarji reċenti u detenturi ta' kwalifika teknika jew professjonali ta' livell ekwivalenti f'oqsma rilevanti għal-leġiżlazzjoni dwar sustanzi kimiċi applikabbli jew oqsma oħra rilevanti għall-kompiti ta' amministrazzjoni ta' istituzzjoni tal-UE.
  • Impjegati tas-settur pubbliku jew privat involuti f'xogħol fil-livell ta' gradwati f'oqsma rilevanti għal-leġiżlazzjoni dwar sustanzi kimiċi applikabbli.

Intervisti ma' dawk li kienu apprendisti


Durata

L-apprendistati jistgħu jdumu minn tlieta sa sitt xhur u ma jistgħux jiġu estiżi aktar minn sitt xhur.

Għotjiet

L-iskema ta' apprendistat għall-gradwati toffri għotja ta' madwar 1,300 euro.

Apprendisti li jkomplu jirċievu rimunerazzjoni mingħand l-impjegatur tagħhom, jew kwalunkwe għotja jew konċessjoni oħra jkunu intitolati biss għal għotja mingħand l-ECHA jekk l-ammont li jirċievu jkun inqas minn dak indikat hawn fuq. F'dan il-każ, l-apprendisti jirċievu ammont ugwali għad-differenza bejn id-dħul tagħhom u l-livell tal-għotja tal-ECHA.

Apprendisti f'impjieg għandhom jipprovdu dikjarazzjoni ta' rimunerazzjoni, infiq u konċezzjonijiet iffirmata mill-impjegatur tagħhom.

Kriterji ta' Eliġibbiltà

Sabiex tapplika għal apprendistat int għandek:

  • Tkun ċittadin ta' Stat Membru tal-UE jew ċittadin taż-Żona Ekonomika Ewropea (in-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein). Ċittadini ta' pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni jistgħu jiġu wkoll aċċettati skont id-disponibbiltà tar-riżorsi tal-baġit u l-kapaċità tal-ECHA li tospitahom. Numru limitat ta' ċittadini minn Stati mhux Membri jistgħu jiġu aċċettati wkoll.
  • Tkun kapaċi tikkomunika bl-Ingliż peress li din hija l-lingwa tax-xogħol tal-ECHA
  • Ikollok lawrja universitarja jew ekwivalenti jew tkun impenjat f'xogħol ta' livell ta' gradwat f'oqsma rilevanti għall-ECHA

Int tiġi mistieden/mistiedna għal intervista bit-telefon u/jew wiċċ imb wiċċ jekk int tintgħażel.

L-apprendisti ma jibbenefikawx minn assigurazzjoni kontra l-mard. Qabel il-bidu tal-apprendistat tiegħek int trid tagħti prova li inti kopert/a permezz ta' assigurazzjoni kontra mard u aċċidenti valida fil-Finlandja.

L-apprendistati mhumiex offruti lil applikanti li diġà kienu f'apprendistat f'istituzzjoni Ewropea jew korp Ewropew, impjegati minn istituzzjoni Ewropea jew korp Ewropew, jew li ħadmu għall-ECHA bħala membru tal-persunal interim, riċerkatur jew espert in house għal aktar minn tmien ġimgħat.