L-iżvilupp u l-produzzjoni tal-batteriji huma prijoritajiet strateġiċi għall-Ewropa fil-bidla lejn enerġija nadifa. Dawn huma wkoll komponenti ewlenin fl-industrija awtomobilistika Ewropea. Id-domanda globali għall-batteriji qed tiżdied b’mod rapidu u huwa previst li ż-żieda tkun 14-il darba ogħla sas-sena 2030. Biex jiġu minimizzati l-impatti ambjentali ta’ dan it-tkabbir u jiġu kkunsidrati l-bidliet fis-soċjetà, l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, is-swieq u l-użi tal-batteriji, fl-2020 il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Regolament ġdid dwar il-Batteriji.
Ir-Regolament daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Awwissu 2023 u jħassar id-Direttiva dwar il-Batteriji (id-Direttiva 2006/66/KE). Dan ikompli jirrestrinġi l-użu tal-merkurju u tal-kadmju fil-batteriji u jintroduċi restrizzjoni għaċ-ċomb fil-batteriji portabbli.
Għandu wkoll l-għan li:
- issaħħaħ is-suq intern billi jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi permezz ta’ sett komuni ta’ regoli;
- jippromwovi ekonomija ċirkolari;
- inaqqas l-impatti ambjentali u soċjali matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-batteriji.
Ir-restrizzjoni ta’ sustanzi perikolużi fil-batteriji
L-Artikolu 6 tar-Regolament jistabbilixxi l-qafas għar-restrizzjoni ta’ sustanzi perikolużi fil-batteriji. Dan jiżgura li s-sustanzi użati fil-batteriji jew li huma preżenti fl-iskart ta’ batteriji ma joħolqux riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.
Sal-31 ta’ Diċembru 2027, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jidentifika s-sustanzi fil-batteriji li għandhom impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent jew il-proċessi ta’ riċiklaġġ.
Il-Kummissjoni tista’ titlob ukoll lill-ECHA tħejji proposta ta’ restrizzjoni f’konformità mal-Anness XV tar-REACH.
Stat Membru tal-UE jista’ jressaq ukoll proposta ta’ restrizzjoni.