Progress in evaluation in 2019

L-ECHA qed tirrapporta dwar il-progress li sar fl-2019 fl-evalwazzjoni tad-dossier u tas-sustanza f’konformità mal-Artikolu 54 ta’ REACH.

Żieda sinifikanti fil-kontrolli tal-konformità mwettqa fl-2019

Bil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt ta’ Evalwazzjoni ta’ REACH li ġie adottat fl-2019, l-ECHA ħejjiet il-bażi biex tikseb l-informazzjoni dwar sustanzi fejn mhuwiex ċar jekk l-użu tagħhom huwiex sikur jew le. Fl-2019, l-ECHA indirizzat b’mod dirett informazzjoni mhux konformi dwar is-sustanzi kimiċi, ħaffet il-proċess tal-evalwazzjoni tad-dossier u żiedet b’mod sinifikanti l-perċentwal ta’ dossiers ivverifikati.

Fl-2019, l-ECHA wettqet 301 kontroll sħiħ tal-konformità li koprew 274 sustanza unika – żieda ta’ aktar minn 50 % meta mqabbla maċ-ċifri tal-2018 (fejn saru 196 kontroll sħiħ li koprew 182 sustanza).

Barra minn hekk, l-ECHA wettqet 89 kontroll tal-konformità mmirati fuq 64 sustanza (jiġifieri biex tiċċara l-identità tas-sustanza). L-ECHA tipprijoritizza wkoll id-dossiers għall-kontroll tal-konformità li r-reġistranti ppreżentaw separatament skont l-Artikolu 11(3) ta’ REACH. Ir-reġistranti jistgħu jissottomettu l-informazzjoni separatament jekk ikunu jistgħu jiġġustifikaw għaliex l-ispejjeż tas-sottomissjoni konġunta huma sproporzjonati, għaliex is-sottomissjoni konġunta tal-informazzjoni tista’ twassal għall-iżvelar ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, jew għaliex ma jaqblux mar-reġistrant ewlieni dwar l-għażla tal-informazzjoni.

Fl-2019, l-ECHA vverifikat 32 dossier għall-konformità li koprew 18-il sustanza sottomessi minn membri ta’ sottomissjonijiet konġunti li “għażlu li ma jipparteċipawx” u bagħtet 25 abbozz ta’ deċiżjoni dwar 16-il sustanza. Il-prijoritizzazzjoni ta’ tali dossiers għall-konformità tkompli tiżgura kundizzjonijiet ekwi u tappoġġa l-funzjonament tas-suq intern.

Fil-qosor, fl-2019, l-ECHA wettqet 390 kontroll fuq 3 750 dossier li koprew 338 sustanza unika.

Politika tad-destinatarji ġdida li tagħti aktar ċarezza lir-reġistranti

Mill-2019, l-ECHA bdiet tibgħat l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tagħha lill-membri kollha affettwati tas-sottomissjoni konġunta b’dossiers mhux konformi. Din hija bidla meta mqabbel mal-prattika preċedenti fejn ir-reġistrant ewlieni tas-sottomissjoni konġunta biss kien jiġi kkuntattjat u kien mistenni jinforma lill-membri rilevanti l-oħra dwar ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-ECHA.

Billi tikkuntattja lill-membri kollha affetwati tas-sottomissjoni konġunta u tippreżenta b’mod ċar kif ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni japplikaw f’kull medda ta’ tunnellaġġ, l-ECHA tagħti lir-reġistranti ċertezza legali aħjar dwar x’inhuma l-obbligi legali individwali tagħhom, u dan jgħin biex jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet ekwi għar-reġistranti kollha fis-sottomissjoni konġunta. Ir-riċevituri kollha huma meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni rispettivi tagħhom, u jkollhom bżonn jikkondividu data eżistenti/ġdida filwaqt li jirrispettaw l-obbligu legali tagħhom li jevitaw ittestjar (fuq annimali vertebrati) mhux meħtieġ.

Simplifikazzjoni tad-deċiżjonijiet

Sa mill-bidu tal-2019, l-ECHA ħadmet biex tissimplifika d-deċiżjonijiet ta’ evalwazzjoni li għandhom l-għan li jipprovdu ġustifikazzjonijiet aktar iffukati u aktar ċari dwar għaliex għadha meħtieġa informazzjoni mir-reġistranti kollha sabiex ikunu obbligati jikkonformaw mal-obbligi tagħhom.

Biex tingħata iktar għajnuna lir-reġistrati, it-talbiet issa huma strutturati f’appendiċijiet differenti li jikkorrispondu mal-annessi rispettivi ta’ REACH li fihom ir-rekwiżiti kkonċernati. L-ECHA tiġġustifika t-talbiet tagħha għal informazzjoni f’diversi appendiċijiet u tindirizza l-aspetti tal-valutazzjoni tagħha li huma rilevanti għal diversi nuqqasijiet ta’ konformità (eż. adattament ta’ read-across, strateġija għall-ittestjar akkwatiku jew valutazzjoni ta’ PBT) f’appendiċi preliminari.

L-ECHA se tkompli taħdem biex tissimplifika d-deċiżjonijiet tagħha fl-2020, filwaqt li tqis ukoll il-feedback li tirċievi mill-kumpaniji.

Eżiti tal-valutazzjonijiet tad-dossier fl-2019

Valutazzjonijiet konklużi: L-ECHA wettqet 489 kontroll tal-konformità (CCHs) u eżaminazzjonijiet tal-proposti ta’ ttestjar (TPEs), li koprew 404 sustanzi uniċi. L-ECHA ħarġet 377 abbozz ta’ deċiżjoni: 296 dwar il-kontroll tal-konformità u 81 dwar l-eżaminazzjonijiet tal-proposti ta’ ttestjar. L-għażla tar-reġistrazzjonijiet għall-kontroll tal-konformità kienet ibbażata prinċipalment fuq (gruppi ta’) sustanzi li jqajmu tħassib potenzjali bbażat fuq il-periklu jew l-esponiment.

Graphs_2019Outcomes of initial dossier evaluations (CCH & TPE) performed in 2019Terminated TPETPE draft decision issuedCCH concluded with no actionCCH draft decision issued296948118TOTAL489 compliance checks and testing proposal examinations404 substancesTerminated TPEsTPE DDsCCHscovering3901881

Riport għas-sena ta’ wara

Għall-abbozzi ta’ deċiżjonijiet mibgħuta fl-2019, il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kompla u ġie ffinalizzat fl-2019 jew se jitlesta fl-2020. Fil-qosor, l-ECHA rreferiet 337 abbozz ta’ deċiżjonijiet ta’ evalwazzjoni tad-dossier lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għal teħid ta’ deċiżjonijiet ulterjuri fl-2019. L-ECHA għalqet ukoll 19-il każ ta’ kontroll tal-konformità u tliet eżaminazzjonijiet tal-proposta ta’ ttestjar wara li ntbagħat abbozz ta’ deċiżjoni, peress li data xjentifikament rilevanti jew bidliet amministrattivi importanti wasslu biex tintemm il-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet li għaddejja bħalissa.