ECHA's restriction dossiers prepared according to Article 69(2)

Wara l-iskadenza tad-data tat-terminazzjoni għal sustanza inkluża fil-Lista ta’ Awtorizzazzjoni (Anness XIV), l-Artikolu 69(2) ta’ REACH jitlob li l-ECHA tqis jekk l-użu tas-sustanza fl-oġġetti huwiex ikkontrollat b’mod adegwat u, jekk mhuwiex, tħejji dossier li jikkonforma mar-rekwiżiti tad-dossier skont l-Anness XV għar-restrizzjoni.

Wara l-aħħar data tal-applikazzjoni għas-sustanza speċifikata fil-Lista ta’ Awtorizzazzjoni, l-ECHA tiġbor informazzjoni dwar l-użi kollha tas-sustanza f’oġġetti minn sorsi varji u mbagħad tiskrinja dawk l-użi għal riskji potenzjali. Jekk ikun hemm potenzjal għal riskju minn talanqas wieħed mill-użi, tinbeda t-tħejjija ta’ dossier ta’ restrizzjonijiet skont l-Anness XV, l-aktar tard, wara d-data tat-terminazzjoni rilevanti.

Ħarsa ġenerali lejn il-proċess tal-Artikolu 69(2)

Ħarsa ġenerali lejn il-proċess tal-Artikolu 69(2).

Fejn l-ECHA tkun iddeterminat li ma għandhiex titħejja proposta għal restrizzjoni għal sustanza inkluża fl-Anness XIV, għandha tingħata ġustifikazzjoni qasira skont il-format tal-Anness XV u titpoġġa fuq is-sit web tal-ECHA.


Figura 1: Proċess skont l-Artikolu 69(2).

Il-proċess għall-kunsiderazzjoni u għal-iżvilupp ta’ restrizzjoni huwa maqsum fi stadji, u huwa spjegat fil-Figura 1 u fil-passi 1-5 hawn taħt:

  1. Għal kull SVHC inkluża fil-Lista ta’ Awtorizzazzjoni, l-ECHA l-ewwel tivvaluta jekk is-SVHC hijiex preżenti fl-oġġetti jew le. Jekk is-SVHC ma tkunx preżenti jew mhijiex probabbli li tkun preżenti fl-oġġetti, allura dan jiġi dokumentat u soġġett għal sejħa speċifika għall-evidenza u r-rapport riżultanti jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-ECHA.
  2. Għas-SVHCs li jgħaddu mill-ewwel pass, l-ECHA tidentifika lista inizjali tal-użi tagħhom minn:
    1. l-informazzjoni dwar l-użi identifikati mir-reġistrazzjonijiet;
    2. notifiki ta’ SVHC f’oġġetti (l-Artikolu 7(2) ta’ REACH);
    3. notifiki f’RAPEX;
    4. infurzar u informazzjoni mill-Istati Membri; u
    5. applikazzjonijiet tal-awtorizzazzjoni relatati mal-inkorporazzjoni tas-SVHC f’oġġetti.
  3. L-ECHA imbagħad tuża sejħa ulterjuri għall-evidenza biex jiġi identifikat kwalunkwe użu li ma jkunx ġie diġà identifikat mill-Aġenzija. SVHCs li jiġu kkonfermati bħala preżenti fl-oġġetti jgħaddu għall-pass li jmiss. SVHC li ma jkunux preżenti fl-oġġetti ma jitqisux aktar. Dan għandu jiġi dokumentat fil-format tal-Anness XV.
  4. Abbażi tal-informazzjoni dwar il-periklu fid-dokumentazzjoni rilevanti dwar is-SVHC (għal identifikazzjoni bħala SVHC), kwalunkwe opinjoni rilevanti mill-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (RAC) tal-ECHA u l-informazzjoni dwar l-użu miġbura, l-ECHA twettaq skrinjar tar-riskju biex tiddetermina jekk hemmx riskju mill-użu tas-SVHC fl-oġġett rilevanti.
  5. Fejn ikun hemm riskju identifikat minn użu f’oġġett, l-ECHA tħejji dossier ta’ restrizzjonijiet skont l-Anness XV għas-sustanza, wara li tkun għaddiet id-data tat-terminazzjoni. Id-dossier jista’ jinkludi derogi meħtieġa għall-użi fejn ir-riskji ntwerew li huma kkontrollati b’mod adegwat jew fejn hemm ġustifikazzjoni soċjoekonomika.

Id-dossier imbagħad jiġi soġġett għall-proċedura normali ta’ teħid ta’ opinjoni (proċedura skont l-Artikoli 69 sa 73) fir-RAC u fis-SEAC, u l-opinjonijiet finali jitgħaddew lill-Kummissjoni għat-teħid ta’ deċiżjoni.

Kif issemma’ hawn fuq, il-proċess tal-ECHA għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 69(2) ta’ REACH jiddependi wkoll fuq il-progress ta’ kwalunkwe applikazzjoni rilevanti għall-awtorizzazzjoni għal dik is-sustanza. Għandha titqies kwalunkwe deċiżjoni rilevanti relatata ma’ jekk awtorizzazzjoni tkunx ingħatat għal użu motivat minn kwistjonijiet relatati mal-ħajja operattiva tal-oġġett jew le.

Meta tgħaddi d-data tat-terminazzjoni għal SVHC inkluża fil-Lista ta’ Awtorizzazzjoni, hemm għadd ta’ possibiltajiet dwar l-għoti jew ir-rifjut ta’ awtorizzazzjonijiet għall-inkorporazzjoni ta’ sustanza f’oġġett. Jista’ jkun li tkun ingħatat waħda jew aktar mill-awtorizzazzjonijiet, b’data ta’ reviżjoni rilevanti jew tkun ġiet rifjutata awtorizzazzjoni waħda jew aktar, possibbilment minħabba kunsiderazzjonijiet relatati mal-użu tas-SVHC f’oġġett matul il-ħajja operattiva tal-oġġett. Barra minn hekk, jista’ jkun li ma kienx hemm applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ inkorporazzjoni ta’ sustanzi f’oġġett.