CLP 2017

Taħlitiet kimiċi b’tikketti antiki li mhumiex aktar għall-bejgħ

Mill-1 ta’ Ġunju 2017, it-taħlitiet kollha mqiegħda fis-suq iridu jkunu mmarkati skont ir-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni, l-Ittikkettar u l-Imballaġġ (CLP, Classification, Labelling, Packaging).

Ir-Regolament CLP issa huwa l-unika leġiżlazzjoni li tapplika fil-klassifikazzjoni u fl-ittikkettar kemm tas-sustanzi kif ukoll tat-taħlitiet. Dan jimmarka t-tmiem tal-perjodu transitorju għat-taħlitiet. Is-sustanzi kimiċi perikolużi li jkollhom tikketti b’pittrogrammi CLP biss jistgħu jiġu fornuti mill-1 ta’ Ġunju ʼl quddiem.

Il-kumpaniji għandhom jikklassifikaw, jittikkettjaw u jippakkjaw is-sustanzi kimiċi perikolużi tagħhom kif xieraq qabel ma jqegħduhom fis-suq. Jekk għad għandek prodotti fuq l-ixkafef tiegħek b’tikketti li jsegwu r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni preċedenti, issa trid tiżgura li l-prodotti jew ma jibqgħux jitqiegħdu fis-suq jew inkella jiġu kklassifikati u ttikkettati mill-ġdid skont is-CLP.

L-iskop tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar tas-sustanzi kimiċi perikolużi huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, kif ukoll li jiġi żgurat il-moviment liberu tas-sustanzi, tat-taħlitiet u tal-oġġetti. Dan huwa bbażat fuq is-Sistema Globalment Armonizzata, li sar qbil fuqha fin-NU.

L-uffiċċji nazzjonali ta’ informazzjoni jistgħu jgħinuk bil-mistoqsijiet dwar l-obbligi tiegħek skont ir-Regolament CLP.

Sir af ir-rekwiżiti tas-CLP u implimentahom!