Asset Publisher

Back Is-sustanzi kimiċi f'ħajjitna - in-nanoteknoloġija

 

Nanoteknoloġija

In-nanomaterjali huma sustanzi kimiċi fuq skala żgħira ħafna. L-istrutturi tagħhom ivarjaw minn madwar 1 sa 100 nanometru f'tal-anqas dimensjoni waħda. Dan ifisser li tista' tqiegħed bejn 8 000 u 800 000 nanopartiċella f'ringiela fil-punt ta' waqfa fi tmiem din is-sentenza.

Xi nanomaterjali jinsabu fin-natura, bħala duħħan, nugrufun, trab jew ramel. Oħrajn ilhom jintużaw għal żmien twil: l-iswed tal-karbonju u s-silika ilhom jintużaw sa mis-seklu 19. Nanomaterjali mmanifatturati oħra huma ddisinjati b'mod speċjali għad-daqs u l-karatteristiċi tagħhom. Dawn għandhom karatteristiċi uniċi u aktar evidenti meta mqabbel mal-istess materjal fl-għamla bid-daqs aktar komuni u regolari tiegħu. Għalhekk, il-karatteristiċi fiżiko-kimiċi u (eko)tossiċi tan-nanomaterjali jistgħu jkunu differenti minn dawk tas-sustanza fi kwantitajiet kbar jew il-partiċelli ta' daqs akbar. Minħabba l-ispeċifitajiet tagħhom, in-nanomaterjali joffru opportunitajiet tekniċi u kummerċjali, iżda jistgħu joħolqu riskji għall-ambjent u jqajmu tħassib għas-saħħa u s-sigurtà għall-bnedmin u l-annimali.

In-nanoteknoloġija huwa qasam li qiegħed jespandi b'mod rapidu. Qegħdin jiġu prodotti aktar u aktar nanomaterjali. Dawn qegħdin jiġu inklużi fil-prodotti li huma diġà fis-suq Ewropew, pereżempju l-batteriji, il-kisjiet, il-ħwejjeġ kontra l-batterji, il-kożmetiċi u l-prodotti tal-ikel.

In-nanomaterjali jintużaw biex jiġu prodotti materjali ħfief u b'saħħithom għal applikazzjonijiet bħal parts tal-karozzi u tagħmir sportiv. Il-kisjiet li jużaw in-nanoteknoloġija jagħmlu l-materjali aktar durabbli u reżistenti għat-tebgħat, pereżempju fl-applikazzjonijiet tat-tessuti. Ħafna apparati elettroniċi ta' prestazzjoni għolja jiddependu fuq enerġija ta' komputazzjoni bbażata fuq in-nanoteknoloġija. In-nanomaterjali jintużaw ukoll f'applikazzjonijiet mediċi u l-kożmetiċi. Eżempji ta' nanomaterjali f' applikazzjonijiet tal-konsumaturi jew industrijali jinkludu eż. silika amorfa sintetika, silikati, diossidu tat-titanju, ossidu taż-żingu, ossidu tal-aluminju, ossidi tal-ħadid, karbonat tal-kalċju, deheb, fidda u iswed tal-karbonju. Ħafna pigmenti u materjali għall-mili li ġew prodotti u użati għal żmien twil f'volumi kbar huma nanomaterjali skont ir-rakkomandazzjoni tal-UE għal definizzjoni.

In-nanomaterjali huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' REACH u għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-impatt tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Bħal kwalunkwe sustanza kimika, xi wħud jistgħu jkunu tossiċi u xi wħud jaf ma jkunux. It-tossiċità tagħhom tiddependi fuq id-diversi karatteristiċi tan-nanomaterjal. Leġiżlazzjoni speċifika għall-prodott bħal-leġiżlazzjoni dwar il-Prodotti Bijodiċali jew leġiżlazzjoni dwar il-Kożmetiċi tqis ukoll il-ħtieġa għal informazzjoni dwar in-nanomaterjali.