Deċiżjoni skont valutazzjoni tad-dossier

 

Fl-evalwazzjoni tal-fajl, l-ECHA tivverifika jekk l-informazzjoni sottomessa fir-reġistrazzjoni tiegħek tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’REACH għas-sustanza u l-medda ta’ tunnellaġġ tiegħek. Jekk il-fajl tiegħek ma jissodisfax ir-rekwiżiti, tirċievi deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-fajl u jeħtieġ li tissottometti l-informazzjoni kollha mitluba fid-deċiżjoni lill-ECHA.

Jekk tkun issottomettejt proposta ta’ ttestjar, tirċievi deċiżjoni wara li nkunu ffinalizzajna l-eżaminazzjoni tagħna.

L-ewwel nett, int tirċievi abbozz ta’ deċiżjoni, li għaliha għandek id-dritt li tikkummenta fi żmien 30 jum. Wara li jintemm il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, int tirċievi deċiżjoni adottata u trid tipprovdi d-data mitluba sal-iskadenza/i speċifikata/i fid-deċiżjoni. Jeħtieġ li taqbel mal-koreġistranti tiegħek dwar kif torganizza x-xogħol biex tissodisfa dawn l-iskadenzi.

L-evalwazzjoni tal-fajl issir abbażi tad-data tar-reġistrazzjoni disponibbli fil-bażi tad-data tar-reġistrazzjoni tal-ECHA fiż-żmien li jintbagħat abbozz ta’ deċiżjoni lir-reġistranti għall-kummenti.

Matul it-teħid ta’ deċiżjonijiet, l-ECHA hija mitluba tikkunsidra l-kummenti mir-reġistranti dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni u dwar kwalunkwe proposta għal emenda sottomessa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru. Dawn il-kummenti jridu jiġu pprovduti fil-format speċifikat mill-ECHA.

L-ambitu tal-kummenti tiegħek għandu jindirizza l-evalwazzjoni tal-fajl tiegħek mill-ECHA jew il-proposti għal emendi mill-awtoritajiet kompetenti, u ma għandux jintuża bħala mezz biex jiġu sottomessi eż. adattamenti ġodda jew riveduti, strateġiji tal-ittestjar (riveduti) jew pjanijiet dwar l-issodisfar tat-talbiet fid-deċiżjoni. L-ECHA ma tistax tagħti pariri dwar l-aċċettazzjoni ta’ strateġiji ta’ adattament futuri.

Jekk issir disponibbli informazzjoni sostanzjali ġdida wara li tkun irċevejt abbozz ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni, trid tissottomettiha fuq struzzjonijiet fl-ittra ta’ notifika tal-abbozz ta’ deċiżjoni.

 

 

Irreaġixxi fil-ħin għal abbozz ta’ deċiżjoni
  • Iċċekkja REACH-IT b’mod regolari.
  • Aqbel dwar proċeduri u skedi taż-żmien mal-koreġistranti tiegħek biex tkun lest(a) tirreaġixxi għal abbozz ta’ deċiżjoni u matul l-istadji sussegwenti tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.
  • Għandek 30 jum biex tiġbor flimkien il-kummenti tiegħek għall-abbozz ta’ deċiżjoni u tibgħathom lill-ECHA.
  • Ibda billi tikkuntattja lill-koreġistranti tiegħek u taqbel dwar kif tiġbor u tikkonsolida l-kummenti kollha fi tweġiba waħda.
  • Iffoka l-kummenti tiegħek fuq il-kontenut tal-abbozz ta’ deċiżjoni; pereżempju, żbalji jew ineżattezzi possibbli fil-valutazzjoni tal-ECHA. L-ECHA se tqis dawn il-kummenti fid-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tagħha.
  • Jekk titlob lill-ECHA testendi l-iskadenza tad-deċiżjoni fil-kummenti tiegħek, ipprovdi raġunijiet ċari u evidenza dokumentarja għat-talba tiegħek. Pereżempju, jekk ikun hemm nuqqas ta’ kapaċità tal-laboratorju, trid tinkludi dikjarazzjoni mil-laboratorju magħżul tiegħek.
  • Fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni, l-ECHA tinnotifika l-abbozz ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru. Int tiġi mistieden/mistiedna tikkummenta dwar kwalunkwe proposta għal emenda mressqa mill-awtoritajiet kompetenti.
  • Għandek 30 jum biex tikkummenta dwar il-proposti għal emenda. Ikkoordina mal-koreġistranti l-oħrajn u aqbel dwar sett konsolidat ta’ kummenti. L-ECHA tqis biss il-kummenti relatati mal-proposti għal emenda f’dan l-istadju tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Kummenti dwar elementi oħra tal-abbozz ta’ deċiżjoni ma jiġux ikkunsidrati.
  • L-ECHA se toħroġ id-deċiżjoni adottata jekk l-awtoritajiet kompetenti ma jipproponu l-ebda emenda għall-abbozz ta’ deċiżjoni jew jekk il-Kumitat tal-Istati Membri jaqbel b’mod unanimu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni.
  • Jekk tinforma lill-ECHA li waqqaft il-manifattura jew l-importazzjoni tas-sustanza wara li tkun irċevejt abbozz ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni iżda qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni, ir-reġistrazzjoni tiegħek tiġi invalidata. Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jitwaqqaf għalik, iżda jkompli għar-riċevituri l-oħrajn tad-deċiżjoni, jekk applikabbli.

 

Wara li tirċievi d-deċiżjoni adottata
  • Iddiskuti u aqbel mar-riċevituri kollha dwar kif tissodisfaw it-talbiet fid-deċiżjoni.
  • Iddeċiedi dwar min se jwettaq it-testijiet mitluba u f’isem ir-riċevituri kollha u ibgħat din l-informazzjoni lill-ECHA fi żmien 90 jum minn meta tirċievi d-deċiżjoni. Inkella, l-ECHA taħtar wieħed mir-riċevituri biex iwettaq it-testijiet.
  • Kun ċert(a) li l-istudji u d-data tiegħek ikunu lesti qabel ma tissottometti l-aġġornament tiegħek - l-ECHA ma tistax testendi l-iskadenza stabbilita fid-deċiżjoni adottata. L-ECHA ma tipprovdi ebda feedback dwar adattamenti potenzjali u se tevalwa kwalunkwe informazzjoni ġdida biss wara li l-iskadenza fid-deċiżjoni adottata tkun għaddiet.
  • Aqbel dwar min se jaġġorna l-fajl fil-format IUCLID u tibagħtu lill-ECHA.
  • Kun ċert(a) li l-informazzjoni dwar l-istudji tkun komprensiva sabiex l-ECHA tkun tista’ tagħmel valutazzjoni indipendenti: issottometti d-data f’sommarju tal-istudju robust.
  • Irrapporta data li hija adegwata għall-klassifikazzjoni u t-tikkettar jew il-valutazzjoni tar-riskju.
  • Ftakar li kwalunkwe adattament għall-informazzjoni mitluba huwa r-responsabbiltà tiegħek. L-ECHA tivvaluta l-validità tagħhom.
  • Jekk tinforma lill-ECHA li waqqaft il-manifattura jew l-importazzjoni wara li tkun ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-fajl, xorta se jkollok tissodisfa t-talbiet fid-deċiżjoni.

 

Irrieżamina l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-ECHA
  • Irrieżamina l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni adottata sal-iskadenza indikata (21 jum wara l-wasla) biex tevita li informazzjoni kunfidenzjali tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-ECHA.

 

Aġġorna l-fajl tiegħek sal-iskadenza, anke jekk wieħed jew aktar mill-istudji tiegħek jiġu mdewma
  • Jekk ma jkollokx id-data kollha disponibbli sal-iskadenza, inkludi fl-aġġornament tal-fajl tiegħek l-ispjegazzjonijiet u l-prova rilevanti kollha dwar l-istatus tat-testijiet li jkunu għaddejjin, ir-raġunijiet għad-dewmien u d-data ta’ sottomissjoni mistennija tar-riżultati tat-test.
  • L-ECHA tibda l-evalwazzjoni ta’ segwitu meta l-iskadenza mogħtija fid-deċiżjoni tkun skadiet. L-ECHA tivvaluta jekk l-informazzjoni l-ġdida tikkorrispondix mat-talbiet fid-deċiżjoni u tikkonformax mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni. Jekk l-ECHA issib li l-informazzjoni mitluba kollha, jew parti minnha hija nieqsa, hija tinforma lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar. Int se tirċievi kopja tan-notifika.
  • L-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar jistgħu jqisu r-raġunijiet għad-dewmien meta jiddeċiedu dwar azzjonijiet ta’ infurzar possibbli. Aqbel mal-awtorità nazzjonali tal-infurzar tiegħek meta taġġorna l-fajl tiegħek. L-ECHA mbagħad tevalwa l-aġġornament tal-fajl li int tkun qbilt mal-awtorità nazzjonali tal-infurzar tiegħek.
  • Jekk il-fajl ta’ reġistrazzjoni tiegħek ma jgħaddix mill-kontroll tal-kompletezza teknika (TCC) għall-ewwel darba, tingħata skadenza ta’ erba’ xhur li matulhom għandek opportunità waħda biex issolvi l-inkompletezza. Madankollu, l-iskadenza biex tiġi pprovduta d-data mitluba ma tiġix estiża b’dawn l-erba’ xhur. Għalhekk huwa rrakkomandat li tissottometti l-aġġornament tal-fajl tiegħek qabel l-iskadenza biex tħalli żmien biżżejjed sabiex tindirizza kwalunkwe problema teknika.