Talba għal isem kimiku alternattiv f'taħlitiet

 

Il-manifatturi, l-importaturi u l-utenti downstream ibbażati fl-UE jistgħu jressqu talba għall-użu ta’ isem kimiku alternattiv lill-ECHA. Mhuwiex possibbli li taħtar “Rappreżentant Terz” jew “Rappreżentant Uniku” sabiex jippreżenta talba għall-użu ta’ isem kimiku alternattiv f’taħlita/iet.

Trid tipprepara t-talba tiegħek bl-aktar verżjoni reċenti ta’ IUCLID u tippreżentaha billi tuża REACH-IT.

Il-manwal tal-ECHA “Kif tipprepara talba għall-użu ta' isem kimiku alternattiv għal sustanza f’taħlita” jagħti aktar struzzjonijiet dwar kif tħejji u tippreżenta t-talba.

It-talbiet għall-użu ta’ isem kimiku alternattiv ma jistgħux jiġu aġġornati wara li jiġu ppreżentati lill-ECHA, inklużi t-taħlitiet koperti minn dik it-talba, sakemm ma jkunx speċifikament mitlub mill-ECHA. Jekk jogħġbok dejjem kun żgur li tinkludi t-taħlitiet rilevanti kollha li għalihom għandu jintuża l-isem kimiku alternattiv. Kwalunkwe talba aktar tard għall-użu tal-isem kimiku alternattiv f’taħlitiet oħra se tkun talba ġdida li għaliha l-ECHA timponi tariffa oħra.

Kif tipprepara talba

1. Oħloq il-kont tiegħek f’REACH-IT jekk ma għandekx wieħed.

2. Oħloq dossier ta’ talba għal isem kimiku alternattiv fil-IUCLID.

Huwa meħtieġ li l-informazzjoni li ġejja tkun inkluża fid-dossier:

  • l-identità ta’ min jagħmel it-talba;
  • l-isem kimiku alternattiv propost;
  • l-identità u l-kompożizzjoni tas-sustanza;
  • l-informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni u t-tikkettar tas-sustanza;
  • l-isem/ismijiet kummerċjali tat-taħlita/iet li fiha/fihom is-sustanza li għaliha huwa mitlub isem kimiku alternattiv;
  • l-SDS tas-sustanza li għaliha huwa mitlub isem kimiku alternattiv;
  • l-SDS tat-taħlita/iet li fiha/fihom is-sustanza;
  • ġustifikazzjoni li turi li min jagħmel it-talba għandu interess kummerċjali li jistħoqqlu protezzjoni għan-nuqqas ta’ żvelar tal-isem attwali tas-sustanza; u
  • ġustifikazzjoni li turi li l-użu tal-isem kimiku alternattiv jissodisfa l-ħtieġa li tiġi pprovduta biżżejjed informazzjoni biex jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji ta' saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol u li r-riskji marbuta mal-immaniġġjar tat-taħlita jistgħu jiġu kkontrollati.

L-isem kimiku alternattiv propost jista’ jkun isem li jidentifika l-aktar gruppi funzjonali importanti tas-sustanza jew denominazzjoni alternattiva.

Suġġeriment: Meta jkun qed jiġi dderivat l-isem alternattiv, huwa rrakkomandat li tintuża l-“Gwida Lexicon” (l-Anness VI, il-Parti B tad-Direttiva dwar il-Preparazzjonijiet Perikolużi).

Għal aktar dettalji dwar kif tħejji d-dossier, jekk jogħġbok ara l-Manwal: Kif tipprepara talba għall-użu ta’ isem kimiku alternattiv għal sustanza f’taħlita.

3. Ippreżenta l-fajl IUCLID u l-annessi meħtieġa permezz ta’ REACH-IT.

Jekk ma tirċeviex messaġġ ta’ konferma wara li tippreżenta t-talba, ikkuntattja lill-Helpdesk tal-ECHA."

X'jiġri mbagħad?

Meta tirċievi t-talba, l-ECHA twettaq kontroll għal virus u kontroll tar-‘Regoli Kummerċjali' biex tivverifika li d-dossier huwa komplet u jista' jiġi pproċessat.

Jekk id-dossier jgħaddi mill-kontroll tar-‘Regoli Kummerċjali', l-ECHA tibgħatlek fattura. Meta l-ECHA tkun irċeviet il-ħlas, deċiżjoni dwar it-talba għall-użu ta' isem alternattiv tiġi kkomunikata lilek fi żmien sitt ġimgħat.

Jekk l-ECHA ma taċċettax it-talba għall-użu ta' isem kimiku alternattiv, jew jekk wara temenda jew tirtira l-approvazzjoni tagħha dwar l-użu tal-isem kimiku alternattiv, tista' tkun mitluba reviżjoni tad-deċiżjoni. It-talba għal reviżjoni għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahrejn minn meta tirċievi d-deċiżjoni, u għandha tiġi ppreżentata billi tintuża l-formola web speċifika.

Għandek tkun taf li l-ECHA dejjem tibgħat il-komunikazzjoni kollha relatata mat-talba, inkluża d-deċiżjoni, permezz tas-sistema tal-messaġġi REACH-IT, direttament lil min jagħmel it-talba.

Talba għal reviżjoni tad-deċiżjoni dwar l-użu ta' isem kimiku alternattiv