Għandi bżonn nirreġistra?

Trid tistabbilixxi jekk ir-reġistrazzjoni tas-sustanza hijiex ir-responsabbiltà tiegħek jew ta’ attur ieħor fil-katina tal-provvista tiegħek. 

 

1. X’inhi l-identità tiegħek bħala reġistrant?

Tista’ tirreġistra biss jekk inti persuna fiżika jew jekk tirrappreżenta persuna ġuridika, kif definit mil-liġijiet nazzjonali tiegħek. Jekk il-kumpanija tiegħek stabbilixxiet diversi persuni ġuridiċi, pereżempju, kumpaniji sussidjarji, kull waħda mill-persuni ġuridiċi trid tissottometti r-reġistrazzjoni tagħha stess.

 

2. Fejn tinsab?

Tista’ tirreġistra biss jekk tinsab fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Din tinkludi l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, u l-Iżvezja.

Jekk tinsab barra ż-ŻEE, trid jew tkun importatur jew rappreżentant uniku biex tirreġistra s-sustanza tiegħek.

 

3. X’inhu r-rwol tiegħek fil-katina tal-provvista?

Id-diversi rwoli għandhom definizzjonijiet speċifiċi f’REACH, li mhux dejjem jikkorrispondi ma’ dawk użati bnadi oħra.

Jista’ jkollok diversi rwoli għal sustanza - qishom kollha.

Trid tirreġistra jekk:

  • timmanifattura sustanza: tipproduċi sustanza jew testrattaha. 
  • inti responsabbli mill-importazzjoni ta’ sustanza fiż-ŻEE: inti responsabbli mill-introduzzjoni fiżika tas-sustanza fit-territorju taż-ŻEE (waħedha, f’taħlita jew f’oġġett). Madankollu, m’għandekx bżonn tirreġistra jekk:
    • Il-fornituri kollha tiegħek ħatru rappreżentanti uniċi; jew 
    • Terġa’ timporta sustanza reġistrata; jew 
    • Is-sustanza tiegħek tinsab taħt superviżjoni doganali, bil-għan li terġa’ tesportaha. 
  • tipproduċi jew timporta oġġett: tinkorpora sustanza jew taħlita f’materjal jew fuqu biex tifforma oġġett, jew inti responsabbli mill-importazzjoni ta’ tali oġġett fiż-ŻEE. Madankollu, m’għandekx bżonn tirreġistra jekk:
    • m’hemmx il-ħsieb li s-sustanza tiġi rilaxxata; jew 
    • is-sustanza ġiet diġà reġistrata għall-istess użu minn xi kumpanija oħra. 
  • inħtart bħala rappreżentant uniku: il-fornituri tiegħek barra ż-ŻEE (manifatturi jew produtturi ta’ oġġett jew taħlita) ħatruk biex twettaq l-obbligi previsti skont REACH li kieku kien ikollhom jagħmlu l-importaturi tagħhom. 

 

M’għandekx bżonn tirreġistra jekk inti sempliċement:

  • tqassam sustanza: taħżen u tqiegħed sustanzi fis-suq, waħedhom jew f’taħlitiet, għal partijiet terzi. 
  • terġa’ timla: tittrasferixxi sustanzi jew taħlitiet minn kontenitur għal ieħor, normalment fil-proċess ta’ imballaġġ mill-ġdid jew l-għoti ta’ isem kummerċjali ġdid. 
  • tifformula: tipproduċi taħlitiet (eż. żebgħa, adeżivi, deterġenti, kitts dijanjostiċi), li normalment jiġu fornuti iktar ’l isfel fil-katina tal-provvista. 
  • utent finali: tuża prodotti kimiċi iżda ma tfornihomx iktar ’l isfel fil-katina tal-provvista.