Rappreżentant Uniku

Kumpaniji bbażati barra ż-ŻEE jistgħu jaħtru rappreżentant uniku bbażat fl-UE biex jieħu ħsieb il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-importaturi f'li jikkonformaw ma' REACH. Dan jista' jissimplifika l-aċċess għas-suq taż-ŻEE għall-prodotti tagħhom, jiżgura l-fornitura u jnaqqas ir-responsabbiltajiet għall-importaturi

Rappreżentanti uniċi għandhom ikunu:

  • Persuna fiżika jew entità ġuridika stabbilita fiżikament fiż-ŻEE 
  • Mgħammra b'għarfien suffiċjenti fit-trattament prattiku tas-sustanzi u tal-informazzjoni relatata magħhom
  • Maħtura b'rikonoxximent reċiproku ma' manifattur, formulatur jew produttur tal-oġġett, stabbilit barra ż-ŻEE
  • Responsabbli mill-konformità mar-rekwiżiti legali għal importaturi taħt REACH

Rappreżentanti uniċi jistgħu jirrappreżentaw iktar minn fornitur wieħed mhux taż-ŻEE, iżda għandhom iżommu l-informazzjoni relatata ma' kull wieħed minnhom separata.

Il-kumpanija mhux taż-ŻEE għandha tinforma lill-importatur(i) fi ħdan l-istess katina tal-provvista bil-ħatra tiegħek bħala rappreżentant uniku. Dawn l-importaturi jitqiesu mbagħad bħala utenti downstream għal REACH

Int m'intix rappreżentant uniku jekk:

  • Il-fornitur mhux taż-ŻEE tiegħek ikun distributur
  • L-uniku rwol tiegħek ikun li taġixxi bħala rappreżentant ta' parti terza fil-proċess tal-kondiviżjoni tad-data ta' REACH

X'għandi nagħmel?

Għandek l-obbligi tar-reġistrazzjoni ta' importatur u rekwiżiti addizzjonali speċifiċi għar-rwol tiegħek bħala rppreżentant uniku

 

Ipprepara u irreġistra

Għandek tirreġistra s-sustanza mal-ECHA Teżisti regola bażika: ebda data, ebda suq.

Għandek tipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-perikoli tas-sustanza, inkluż kif tista' tintuża b'mod sigur. L-ammont ta' informazzjoni meħtieġa jiddependi mit-tunnellaġġ importat u mill-perikoli assoċjati mas-sustanza tiegħek. Iktar ma jkun baxx it-tunnellaġġ u inqas ma tkun perikoluża s-sustanza, inqas l-informazzjoni li teħtieġ li tagħti.

Għandek tikkontrolla jekk is-sustanza kinitx prereġistrata Jekk le, u tikkwalifika għal prereġistrazzjoni tard, għandek tirreġistra sa mhux iktar tard mill-31 ta' Mejju 2018 Jekk le, għandek tirreġistra s-sustanza qabel ma tkun tista' titqiegħed fis-suq taż-ŻEE

Ir-reġistrazzjoni ssir b'mod konġunt mal-manifatturi u mal-importaturi taż-ŻEE tal-istess sustanza. Huwa meħtieġ ukoll li tikkondividi d-data meħtieġa għar-reġistrazzjoni magħhom.

Dak li l-kumpanija mhux taż-ŻEE u inti għandkom tagħmlu huwa spjegat fil-Gwida dwar ir-Reġistrazzjoni u fil-paġni web għal manifatturi mhux taż-ŻEE

Ir-rekwiżiti speċifiċi għalik flimkien ma' dawk għall-importaturi huma li:

  • Tipprovdi informazzjoni lill-importaturi (issa utenti downstream) sabiex ikunu jistgħu jikkompilaw skedi ta' data ta' sigurtà u jżommu rekords dwar il-fornitura tal-aħħar aġġornamenti tal-iskedi tad-data ta' sigurtà tul l-attività kontinwa tiegħek
  • Tipprepara u żżomm aġġornat inventarju tal-importaturi u t-tunnellaġġ importat minn kull wieħed minnhom. Tipprovdih lill-awtoritajiet tal-infurzar meta jitolbuh.

 

Tieħu azzjoni għal sustanzi ta' tħassib serju ħafna

Jekk sustanza tkun ġiet identifikata bħala ta' tħassib serju ħafna u tkun inkluża fil-Lista tal-Kandidati għal Awtorizzazzjoni REACH, dan jirriżulta f'obbligi addizzjonali għall-importaturi taż-ŻEE u għalik.

  • Għal sustanza importata weħidha jew f'taħlita, huwa meħtieġ aġġornament tal-iskeda ta' data ta' sigurtà eżistenti. Bħala rappreżentant uniku (kemm jekk inti l-fornitur attwali kif ukoll jekk le) inti fid-dmir li żżomm rekords tal-fornitura tal-iskeda ta' data ta' sigurtà aġġornata
  • Għal sustanza li tkun tinsab f'oġġett importat, jista' jkollok obbligu taħt ċerti kondizzjonijiet, li tavża lill-ECHA fi żmien sitt xhur mill-importazzjoni tiegħu.

 

Ikkjarifika r-rwol tiegħek fl-awtorizzazzjoni

Meta inti tirrappreżenta kumpanija mhux taż-ŻEE u waħda mis-sustanzi tagħhom tkun fuq il-lista tas-sustanzi li jeħtieġu awtorizzazzjoni, għandek tinforma lill-kumpanija dwar il-konsegwenzi għall-prodott tagħhom.

Jekk ma jkun hemm ebda eċċezzjoni ġenerika jew speċifika mill-proċedura tal-awtorizzazzjoni REACH, il-kumpanija mhux taż-ŻEE ikollha tiddeċiedi jekk twaqqafx l-esportazzjoni tas-sustanza fis-suq taż-ŻEE jew tapplikax għal awtorizzazzjoni. Jekk il-kumpanija mhux taż-ŻEE tiddeċiedi li tapplika għal awtorizzazzjonim, inti tista' tkun maħtur biex taġixxi f'isimhom.

 

Konformità mar-restrizzjonijiet

Jekk ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent ikkawżati minn sustanza ma jistgħux jiġu kkontrollati, din tista' tkun ristretta fiż-ŻEE

Dan jista' jfisser:

  • Projbizzjoni totali
  • Restrizzjoni ta' tqegħid fis-suq u użijiet speċifiċi, jew
  • Limitazzjoni tal-livelli ta' konċentrazzjoni ta' sustanza f'taħlitiet jew f'oġġetti

Eżempji jinkludu l-projbizzjoni fuq l-asbestos, restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu taċ-ċomb fil-ġojjelli u limitu fuq il-konċentazzjoni ta' kromju eżavalenti fi prodotti tal-ġilda.

Għandek tinforma lill-kumpanija mhux taż-ŻEE b'restrizzjoni ġdida u bil-konsegwenzi għall-prodott tagħhom. Huwa wkoll id-dmir tiegħek li żżomm rekords (kemm jekk inti l-fornitur attwali kif ukoll jekk le) tal-fornitura ta' skeda ta' data ta' sigurtà aġġornata inkluża informazzjoni dwar ir-restrizzjoni l-ġdida.