Importatur

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi l-ogħla standards ta' sigurtà kimika fid-dinja. Inti responsabbli biex tiżgura li s-sustanzi kimiċi u l-prodotti li ġġib fiż-ŻEE jikkonformaw ma' dawn ir-rekwiżiti. 

Inti importatur jekk tixtri prodott kimiku direttament minn fornitur ibbażat barra ż-ŻEE u ġġibu fit-territorju taż-ŻEE.

F'każ li l-fornitur tiegħek mhux fiż-ŻEE ikun ħatar "Rappreżentant Uniku" bbażat fiż-ŻEE biex jirreġistra s-sustanza, inti meqjus bħala utent downstream taħt REACH

X'għandi nagħmel?

Dan jiddependi mit-tip ta' prodotti li inti timporta:

  • Sustanzi (inklużi metalli)
  • Taħlitiet (pereżempju, żebgħa, lubrikanti), jew
  • Oġġetti (pereżempju, tajers tal-karozzi, għamara u lbies)

Ikollok tikkonforma ma' rekwiżiti addizzjonali jekk inti tqiegħed prodotti perikolużi fis-suq. 

 

Inti timporta sustanzi jew taħlitiet?

Meta inti tixtri sustanza direttament minn kumpanija bbażata barra ż-ŻEE u ġġibha fit-territorju taż-ŻEE, għandek l-istess responsabbiltajiet bħal manifattur. Għandek tirreġistra s-sustanza biex tiżgura aċċess għas-suq taż-ŻEE. 

Meta inti tixtri taħlitiet, ir-rekwiżiti japplikaw għal kull sustanza individwali li tkun tinsab fit-taħlita.

 

Inti timporta sustanzi jew taħlitiet perikolużi jew irregolati?

Qabel ma tqiegħed sustanza jew taħlita fis-suq taż-ŻEE, għandek tistabbilixxi jekk hijiex perikoluża billi tapplika l-kriterji tal-klassifikazzjoni stabbiliti fir-Regolament CLP. Inti meħtieġ tagħmel dan għal kull sustanza weħidha jew f'taħlita, irrispettivament mill-kwantitajiet li inti tforni.

Il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ huma obbligatorji għas-sustanzi u t-taħlitiet perikolużi kollha

Il-klassifikazzjoni ta' sustanza jew taħlita bħala perikoluża tirriżulta fi ħtiġiet speċifiċi ta' ttikkettar u imballaġġ. Għandek tavża lill-ECHA għal kull sustanza perikoluża mqiegħda fis-suq weħidha jew f'taħlita fi żmien xahar mit-tqegħid fis-suq tal-prodott. Għandek tipprovdi l-informazzjoni rilevanti fl-iskeda ta' data ta' sigurtà u tuża tikketti ta' perikolu biex tikkomunika r-riskji u tiżgura t-trattament sigur mill-klijenti tiegħek.

Sustanzi ta' tħassib serju ħafna.

REACH jistabbilixxi kriterji biex tidentifika sustanzi ta' tħassib serju ħafna (SVHCs) għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Is-sustanzi li jissodisfaw dawn il-kriterji qegħdin jiġu identifikati il-ħin kollu. Is-sustanzi huma inklużi fil-Lista tal-Kandidati għall-Awtorizzazzjoni, li tiġi aġġornata kull sena f'Ġunju u f'Diċembru, u ppubblikata fuq is-sit web tal-ECHA.

Dan huwa l-ewwel pass fil-proċedura ta' awtorizzazzjoni REACH li timmira li tikkontrolla r-riskji mis-sustanzi l-iktar perikolużi fis-suq taż-ŻEE u fl-aħħar mill-aħħar tissostitwixxihom b'alternattivi vijabbli iktar siguri.

Jekk sustanza li inti timporta weħidha jew f'taħlita tkun identifikata bħala ta' tħassib serju ħafna u tiżdied mal-Lista tal-Kandidati għal Awtorizzazzjoni, inti jkollok l-obbligu addizzjonali li tikkomunika l-informazzjoni dwar l-użu sigur tas-sustanza lill-klijenti tiegħek.

Tista' tkompli tforni s-sustanza, iżda jkollok tikkontrolla jekk tiġix inkluża fil-Lista tal-Awtorizzazzjoni. Dan jista' jkun biss kwistjoni ta' żmien u inti tista' tagħżel li tiggwadanja vantaġġ kummerċjali billi tersaq lil hinn minn sustanza ta' tħassib serju ħafna qabel ma tkun meħtieġ tagħmel dan bil-liġi.

Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna li jeħtieġu awtorizzazzjoni

Sustanzi ta' tħassib serju ħafna, li jimxu mil-Lista tal-Kandidati għal dik tal-Awtorizzazzjoni, ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq taż-ŻEE biex jintużaw wara "data ta' terminazzjoni" partikolari, sakemm:

  • Inti jew l-utent downstream immedjat tiegħek ma tingħatawx awtorizzazzjoni għal użu speċifiku tas-sustanza
  • Ma tkunx tapplika eżenzjoni ġenerali jew speċifika, pereżempju, jekk inti tuża s-sustanza għal riċerka u żvilupp xjentifiku

Ma tkunx meħtieġa awtorizzazzjoni irrispettivament mill-ammont tas-sustanza użat.

Jekk is-sustanza tiegħek tkun inkluża fil-Lista tal-Awtorizzazzjoni u ma tkun tapplika ebda eżenzjoni, inti jkollok tagħżel jekk:

  • Tieqafx tqiegħdha fis-suq, jew
  • Tapplikax għal awtorizzazzjoni, jew
  • Tinvestigax il-possibbiltà li tkun kopert minn awtorizzazzjoni mogħtija lill-utenti downstream immedjtati tiegħek

Jekk tapplikax għal awtorizzazzjoni jew le hija deċiżjoni kummerċjali, ibbażata fuq kemm hija kritika s-sustanza, jekk huwiex possibbli li tkun sostitwita b'sustanzi jew teknoloġiji alternattivi, l-ispejjeż tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, il-benefiċċji u r-riskji minn użu kontinwu.

Sustanzi taħt restrizzjoni

Sustanzi li huma ta' riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent huma ristretti. Dan jista' jfisser:

  • Projbizzjoni totali
  • Restrizzjoni ta' tqegħid fis-suq u użijiet speċifiċi, jew
  • Limitu fuq il-livelli ta' konċentrazzjoni ta' sustanza f'taħlitiet

Eżempju wieħed huwa r-restrizzjoni fuq it-toluwene f'adeżivi jew f'żebgħa fi sprej maħsuba biex jiġu forniti lill-pubbliku ġenerali.

Għandek tikkonforma mar-restrizzjonijiet. Jeħtieġ li tkun konxju minn xi restrizzjonijiet u żżomm taħt monitoraġġ dawk ġodda li jirrigwardaw is-sustanzi li inti timporta. L-ECHA tippubblika l-informazzjoni u tniedi konsultazzjonijiet pubbliċi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar restrizzjoni.

 

Inti timporta oġġetti?

Tkun teħtieġ informazzjoni dwar is-sustanzi li jkunu jinsabu fl-oġġetti. B'mod partikolari:

  • Hemm sustanzi maħsuba biex jiġu rilaxxati matul l-użu tal-oġġett, pereżempju, f'ġugarell li jerħi fwieħa jew f'borża għaż-żibel li terħi fwieħa? Jekk iva, u s-sustanzi jkunu preżenti fl-importazzjonijiet tiegħek f'aktar minn tunnellata metrika waħda fis-sena, jkollok tirreġistrahom, sakemm ma jkunux diġà ġew irreġistrati għal dak l-użu
  • Jeżistu sustanzi ta' tħassib serju ħafna? Jekk iva u jekk jeżistu f'iktar minn ċerta konċentrazzjoni, għandek tipprovdi informazzjoni suffiċjenti lill-klijenti tiegħek biex ikun possibbli l-użu sigur tal-prodott. Dan huwa meħtieġ hekk kif is-sustanzi jiżdiedu mal-Lista tal-Kandidati. Għandek tavża wkoll lill-ECHA f'każijiet speċifiċi
  • Jeżistu xi sustanzi ristretti f'oġġetti, pereżempju, iċ-ċomb fil-ġojjelli? Għandek tikkonforma mar-restrizzjonijiet u jekk meħtieġ twaqqaf l-importazzjonijiet tiegħek