Atturi

L-atturi ewlenin fil-proċess ta’ restrizzjoni huma:

1. Is-Sottomittent (Stat Membru jew l-ECHA)

Is-sottomittent ta’ dossier ta’ restrizzjoni jista’ jkun Stat Membru jew l-ECHA, jekk mitlub mill-Kummissjoni. L-ECHA tista’ tipproponi wkoll restrizzjoni fuq oġġetti li fihom sustanzi li jinsabu fil-Lista ta’ Awtorizzazzjoni (Anness XIV).

2. Partijiet interessati

Il-partijiet interessati huma ċittadini, organizzazzjonijiet, kumpaniji kif ukoll awtoritajiet minbarra s-sottomittent. Jistgħu jkunu mill-UE jew minn bnadi oħra. Jistgħu jipprovdu kummenti u informazzjoni matul il-konsultazzjoni pubblika.

3. ECHA

3.1 Segretarjat

Is-Segretarjat tal-ECHA jappoġġja lill-Kumitati u l-Forum billi jipprovdi l-aħjar servizzi xjentifiċi, tekniċi u regolatorji possibbli b’mod effiċjenti u trasparenti.

3.2 Il-Kumitati u l-Forum

3.2.1 Il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju (RAC)

Ir-RAC jifformula opinjoni dwar jekk ir-restrizzjonijiet suġġeriti humiex xierqa sabiex jitnaqqas ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent abbażi tal-kunsiderazzjoni tiegħu tal-partijiet rilevanti tad-dossier ta’ restrizzjonijiet u l-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati.

3.2.2 Il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-Ekonomika (SEAC)

Is-SEAC jifformula opinjoni dwar ir-restrizzjoni ssuġġerita u l-impatt soċjoekonomiku tagħha, abbażi tal-kunsiderazzjoni tiegħu tal-partijiet rilevanti tad-dossier ta’ restrizzjonijiet u l-impatti soċjoekonomiċi. Meta jifformula l-opinjoni tiegħu, is-SEAC iqis ukoll il-kummenti u l-analiżi soċjoekonomiċi mressqa mill-partijiet interessati.

3.2.3 Il-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar (il-Forum)

Il-Forum jista’ jipprovdi parir dwar l-eżegwibilità tal-proposta għal restrizzjonijiet.

4. Il-Kummissjoni Ewropea

L-opinjonijiet tar-RAC u tas-SEAC jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni tħejji abbozz ta’ emenda għal-lista ta’ restrizzjonijiet, li jinsabu fl-Anness XVII tar-Regolament REACH.

Jekk il-Kunsill jew il-Parlament Ewropew ma jopponix l-emenda (permezz ta’ proċess imsejjaħ "Kumitat regolatorju bi skrutinju"), il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni u żżid ir-restrizzjoni mal-Anness XVII.

5. L-Industrija

Ladarba r-restrizzjoni tiġi adottata l-industrija għandha tikkonforma magħha. L-industrija tirreferi għal kull persuna indirizzata fir-restrizzjoni, bħal manifatturi, importaturi, distributuri, utenti downstream jew bejjiegħa bl-imnut.

6. Stati Membri

L-Istati Membri huma responsabbli għall-infurzar tar-restrizzjonijiet.