Prassi multilingwi

L-ECHA tippubblika l-maġġoranza tal-kontenut tal-web tagħha u ħafna mid-dokumenti pubbliċi tagħha (bħal gwida, gwidi prattiċi, skedi informattivi, fuljetti ta’ informazzjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tagħha ta’ applikazzjoni ġenerali) fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Ma tittraduċix stqarrijiet għall-istampa, punti tal-aħbarijiet, kontenut tal-web u tal-midja soċjali aġġornat b’mod frekwenti, u informazzjoni minn bażijiet tad-data jew biċċiet kumplessi ta’ gwida xjentifika regolatorja.

Fejn xieraq, l-ECHA torganizza wkoll konsultazzjonijiet biex tikseb feedback mill-partijiet interessati u biex tiġbor informazzjoni xjentifika għall-proċessi regolatorji. Għall-konsultazzjonijiet, li huma mmirati lejn grupp speċifiku ta’ partijiet ikkonċernati, l-ECHA twettaq il-konsultazzjoni b’lingwa/lingwi li għandhom jippermettu lil tali partijiet ikkonċernati jipprovdu l-kontribut u l-informazzjoni mitluba. Fir-rigward tal-konsultazzjonijiet immirati lejn udjenza wiesgħa, l-ECHA tippubblika fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE i) twissija ta’ aħbarijiet li tinforma lill-pubbliku dwar il-bidu tal-konsultazzjoni u ii) sommarju ta’ kull konsultazzjoni bħal din (li tiddeskrivi l-isfond, l-għanijiet u l-informazzjoni mitluba).

It-tweġibiet għaż-żewġ tipi ta’ konsultazzjonijiet jistgħu jiġu pprovduti fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE.

It-traduzzjonijiet huma aċċessibbli fuq dan is-sit web billi tinbidel il-lingwa prestabbilita fil-menu li jinżel preżenti fir-rokna ta’ fuq tal-lemin ta’ kull paġna. Il-librerija tad-dokumenti tipprovdi wkoll aċċess faċli għad-dokumenti tradotti, li jistgħu jiġu ssortjati skont it-tip jew il-kategorija.

Id-dokumenti u l-paġni web tal-ECHA jiġu tradotti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea, li jinsab fil-Lussemburgu u jipprovdi servizzi ta’ traduzzjoni lill-aġenziji kollha tal-UE.

Id-deċiżjonijiet individwali tal-ECHA u talbiet oħra relatati mal-informazzjoni pprovduta fid-dossiers ta’ reġistrazzjoni jew magħhom jinħarġu bil-lingwa tad-dossier, skont ir-Regolament dwar il-Lingwa (Regolament Nru. 1 tal-1958, kif emendat sussegwentement). B’mod eċċezzjonali u meta r-riżorsi tagħha jippermettu, l-ECHA tista’ fuq talba tipprovdi traduzzjonijiet ta’ korteżija ta’ din il-komunikazzjoni.

Il-lingwi uffiċjali tal-UE huma l-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż.