Nifhmu d-WFD

Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tistabbilixxi miżuri li jindirizzaw l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, u għat-titjib tal-użu effiċjenti tar-riżorsi li huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.

Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ekonomija ċirkolari adottat fl-2015, id-Direttiva Qafas riveduta dwar l-Iskart daħlet fis-seħħ f’Lulju 2018. Din tat lill-ECHA l-kompitu li tiżviluppa bażi ta’ data b’informazzjoni dwar artikli li jkun fihom sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (SVHCs) fil-Lista ta' Kandidati. Sustanzi ġodda jiżdiedu regolarment mal-Lista ta’ Kandidati skont REACH.

Il-bażi ta’ data se jkun fiha informazzjoni sottomessa lill-ECHA minn kumpaniji li jipproduċu, jimportaw jew jfornu artikli li jkun fihom sustanzi tal-Lista ta’ Kandidati. Dawn l-artikli jistgħu jiġu prodotti fl-UE jew importati minn pajjiżi mhux tal-UE.

L-informazzjoni fil-bażi ta’ data se tgħin lill-operaturi tal-iskart fl-issortjar u fir-riċiklaġġ ta’ artikli li jkun fihom SVHCs, u se tappoġġa lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet infurmati u jikkunsidraw kif jistgħu jużaw u jiddisponu minn dawn l-artikli bl-aħjar mod. B’mod ġenerali, il-bażi ta’ data għandha tikkontribwixxi għas-sostituzzjoni progressiva ta’ sustanzi ta’ tħassib f’artikli u għall-iżvilupp ta’ alternattivi aktar sikuri.

Il-bażi ta’ data għandha tliet objettivi ewlenin:

  1. Titnaqqas il-ġenerazzjoni ta’ skart li jkun fih sustanzi perikolużi billi tiġi appoġġata s-sostituzzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib f’artikli li jitqiegħdu fis-suq tal-UE.
  2. L-informazzjoni titqiegħed disponibbli biex tkompli ttejjeb l-operazzjonijiet tat-trattament tal-iskart.
  3. L-awtoritajiet ikunu jistgħu jimmonitorjaw l-użu ta’ sustanzi ta’ tħassib fl-artikli u jibdew azzjonijiet xierqa tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-artikli, inkluż fl-istadju tal-iskart tagħhom.

Il-bażi ta’ data tal-SCIP tikkumplimenta l-obbligi eżistenti ta’ komunikazzjoni u ta’ notifika għas-sustanzi tal-Lista ta' Kandidati f’artikli skont REACH.

Skeda ta’ żmien

4 ta’ Lulju 2018
- Tidħol fis-seħħ id-Direttiva Qafas riveduta dwar l-Iskart

Kmieni fl-2020
– Jinħareġ il-prototip tal-bażi ta’ data

5 ta’ Jannar 2021
- Jibda d-dmir għall-fornituri ta’ artikli biex jissottomettu informazzjoni fil-bażi ta’ data

Categories Display