Ipprepara biex tifforma SIEF ġdid

Għal kull sustanza li inti pprereġistrajt, ġiet stabbilita paġna pre-SIEF f'REACH-IT. Fil-paġna pre-SIEF, inti ssib l-informazzjoni ta' kuntatt tal-kumpaniji l-oħrajn li pprereġistraw bl-istess identifikatur tas-sustanza (eż. Numru KE).

Jeħtieġ li tikkuntattjaw lil xulxin biex taraw min ser jirreġistra u jekk is-sustanzi tagħkom humiex l-istess.

Hekk kif tistabbilixxu li għandkom l-istess sustanza, tkunu ffurmajtu forum ta' skambju ta' informazzjoni dwar sustanzi (SIEF). Hija kooperazzjoni speċifika għal reġistrazzjoni REACH, organizzata mill-koreġistranti, u ġeneralment formalizzata fi qbil.

Fis-SIEF inti tikkondividi d-data li inti għandek dwar is-sustanza tiegħek mal-koreġistranti tiegħek, tikkondividi l-ispejjeż u tipprepara reġistrazzjoni konġunta.

L-istadji hawn taħt jispjegaw kif tmur mill-prereġistrazzjoni tiegħek għall-preparazzjoni biex tifforma SIEF ġdid.

 

1. Illoggja f'REACH-IT

REACH-IT huwa l-għodda li inti għandek tuża biex tippreżenta informazzjoni lill-ECHA, inklużi prereġistrazzjonijiet u reġistrazzjonijiet.

Tista' taċċessa REACH-IT mill-paġna prinċipali tal-ECHA. Tilloggja bl-ID tal-utent u bil-password tiegħek. F'każ li għadek mintix utent, tista' tagħmel sign-up.

2. Sib u vverifika l-pre-reġistrazzjonijiet tiegħek

Tista’ ssib il-prereġistrazzjonijiet tiegħek f’REACH-IT billi tagħżel "Menu > Search > Pre-registrations and pre-SIEFs" [Menu > Fittex > Prereġistrazzjonijiet u preSIEFs]. 

Ivverifika li għandek prereġistrazzjoni għal kull sustanza li teħtieġ li tirreġistra. Jekk taqbeż prereġistrazzjoni, imbagħad ikkontrolla x'għandek tagħmel mill-mistoqsijiet u t-tweġibiet hawn taħt.

Ftakar li l-prereġistrazzjonijiet tiegħek mhumiex l-uniku punt ta' tluq tiegħek biex tidħol f'kuntatt mal-koreġistranti tiegħek, jagħtuk ukoll id-dritt li tkun fis-suq Ewropew mingħajr reġistrazzjoni sal-iskadenza tar-reġistrazzjoni tiegħek.

3. Ivverifika l-informazzjoni ta' kuntatt tiegħek fil-prereġistrazzjoni tiegħek.

Peress li tkun teħtieġ li tirreġistra b'mod konġunt, huwa importanti li l-informazzjoni ta' kuntatt tiegħek tkun aġġornata sabiex il-koreġistranti tiegħek ikunu jistgħu jikkuntattjawk.

Kull prereġistrazzjoni fiha informazzjoni ta' kuntatt, normalment ta’ persuna fil-kumpanija tiegħek jew rappreżentant ta' parti terza (TPR, third party representative). Din l-informazzjoni ta' kuntatt (l-isem u l-email) tkun disponibbli għal dawk kollha li pprereġistraw is-sustanza, fil-paġna pre-SIEF ta' REACH-IT.

Iddeċiedi jekk tixtieq iżżomm il-kuntatt preżenti fil-prereġistrazzjoni tiegħek jew tibdlu, u vverifika li l-informazzjoni ta' kuntatt hija aġġornata għal kull sustanza li għandek il-ħsieb li tirreġistra.

4. Aċċessa l-informazzjoni ta' kuntatt tal-koreġistranti tiegħek fil-paġna pre-SIEF.

Jista' jkollok aċċess għall-informazzjoni ta' kuntatt ta' kumpaniji oħra li pprereġistraw is-sustanza tiegħek permezz ta’ REACH-IT. Mur "Menu > Search > Pre-registrations and pre-SIEFs" [Menu > Fittex > Prereġistrazzjonijiet u preSIEFs] fil-menu REACH-IT. Tista' wkoll tniżżel il-lista sħiħa.

Tkun teħtieġ li tikkuntattja l-koreġistranti tiegħek permezz tal-email, barra REACH-IT. Mhux kull min hu elenkat fil-paġna pre-SIEF jirreġistra (pereżempju, minħabba bidliet fil-portafoll jew fl-istrateġija tal-kumpanija) u r-rata ta' rispons tista' tkun baxxa.

5. Kun attiv biex tistabbilixxi kooperazzjoni

Jeħtieġ li tkun attiv biex tirreġistra s-sustanza tiegħek. Hemm modi differenti:

  • Attiva l-koreġistranti tiegħek
    Jekk is-sustanza tkun kritika għan-negozju tiegħek, ħu l-inizjattiva biex tibda d-diskussjonijiet. B'dan il-mod tista' tiżgura li s-sustanza hija rreġistrata sal-iskadenza. 

    Tista' tindika d-disponibbiltà tiegħek li tibda l-formazzjoni SIEF billi tikklikkja fuq il-buttuna Become Facilitator [Sir Faċilitatur] f'REACH-IT.

    Bħala l-faċilitatur, tista' tindika fil-paġna pre-SIEF kif tixtieq tibda d-diskussjonijiet. X'aktarx li jkollok torganizza xi laqgħat jew konferenzi web.
  • Wieġeb lill-koreġistranti tiegħek  Jekk m'intix qed tieħu l-inizjattiva, wieġeb meta tkun ikkuntattjat mill-Faċilitatur tal-Formazzjoni SIEF (SFF) jew minn koreġistrant - anke jekk tkun għadek ma ddeċidejtx jekk tirreġistrax jew le.
  • Segwi s-sustanzi tiegħek
    Huwa possibbli li għal xi sustanzi ħadd ma jagħti bidu għall-kooperazzjoni. F'dan il-każ, għandek tikkuntattja lill-koreġistranti inti stess biex issir taf jekk tkunx l-uniku reġistrant għal din is-sustanza. Jekk ikun il-każ, għandek tirriżerva żmien biżżejjed biex tipprepara r-reġistrazzjoni waħdek.
6. Stabbilixxi s-similarità tas-sustanzi mal-koreġistranti tiegħek

Biex tistabbilixxi s-similarità tas-sustanzi, il-koreġistranti kollha jeħtieġu li jkunu ddeterminaw l-isem tas-sustanza tagħhom skont il-Gwida għall-identifikazzjoni u l-għoti ta' ismijiet lil sustanzi taħt REACH u CLP (ara wkoll il-fażi 1: Kun af il-portafoll tiegħek).

Jekk l-isem ikun l-istess, is-sustanzi jkunu kkunsidrati l-istess.

Jekk ikollok tħassib dwar informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (CBI) meta tiddiskuti s-similarità tas-sustanzi, aqra l-mistoqsijiet u t-tweġibiet hawn taħt.

Hekk kif taqblu li s-sustanzi tagħkom huma l-istess, tiffurmaw SIEF. Tistgħu tibdew taħdmu flimkien biex tikkondividu data u tirreġistraw b'mod konġunt (ara l-fażi 3: Organizza ruħek mal-koreġistranti tiegħek).

Il-parteċipanti ta’ SIEF għandhom japplikaw kollettivament il-prinċipji tal-Gwida għall-identifikazzjoni u l-għoti ta' ismijiet lil sustanzi taħt REACH u CLP biex jiddefinixxu l-konfini tas-sustanza li tikkorrispondi mad-data li huma se jippreżentaw b’mod konġunt. Dan hu magħruf bħala l-profil tal-identità tas-sustanza (SIP) u jeħtieġ li jkun irrappurtat fid-dossier tar-reġistrazzjoni tar-reġistrant prinċipali. Gwida dwar is-SIP hi inkluża fl-Appendiċi III tal-Gwida għall-identifikazzjoni u l-għoti ta' ismijiet lil sustanzi taħt REACH u CLP:

7. Sir familjari mar-rwoli u l-attivitajiet f'SIEF

Jeżistu żewġ rwoli formalment separati fis-SIEF: ir-reġistrant prinċipali u - jekk ikunu jeżistu - ir-reġistranti membri. Madankollu, il-koreġistranti kollha huma responsabbli mill-iskeda u l-progress tax-xogħol, il-kontenut tal-partijiet konġunti tar-reġistrazzjoni u l-kontenut tal-partijiet proprji tagħhom tar-reġistrazzjoni.

Is-SIEF jeleġġi r-reġistrant prinċipali.  Ir-reġistrant prinċipali jkollu jippreżenta r-reġistrazzjoni konġunta l-ewwel permezz ta' REACH-IT, qabel ma l-membri jkunu jistgħu jippreżentaw ir-reġistrazzjonijiet tagħhom. Ir-reġistrant prinċipali għandu wkoll iqassam in-numri tat-towkin ta' sigurtà lill-membri, sabiex ikunu jistgħu jingħaqdu mar-reġistrazzjoni konġunta (ara l-fażi 6: Ippreżenta d-dossier tar-reġistrazzjoni tiegħek).

Għall-kompiti l-oħrajn kollha, jeħtieġ li tiddeċiedi mal-koreġistranti tiegħek dwar kif ser taħdmu flimkien. Fil-prattika dan ifisser li tiddeċiedi dwar min jagħmel xiex u jekk testernalizzax ċerti kompiti jew le. Dan il-qbil huwa ġeneralment iddokumentat, pereżempju fi ftehim SIEF jew fi qbil ta' konsorzju.

Dan il-qbil għandu jkopri l-attivitajiet differenti li l-parteċipanti SIEF ikollhom iwettqu biex jirreġistraw (ara l-fażijiet 3, 4, 5 u 6) u żomm ir-reġistrazzjoni aġġornata (ara l-fażi 7). Dawn l-attivitajiet jinkludu pereżempju ix-xogħol amministrattiv, tekniku u relatat mal-kontenut li ġej:

  • L-amministrazzjoni SIEF: l-istabbiliment ta' punti ta' kuntatt għal komunikazzjoni fi u barra s-SIEF, l-organizzazzjoni tal-mod li bih huma trattati l-fatturi u l-pagamenti, l-iżvilupp ta' skemi ta' rimborż u ż-żamma tar-rekords.
  • Il-preparazzjoni tal-kontenut tad-dossier: il-ġbir ta' data eżistenti, il-ġenerazzjoni ta' data ġdida, id-diskussjoni dwar il-kwalità tad-data, il-qbil dwar liema data tiġi ppreżentata b'mod konġunt, in-negozjati dwar l-ispejjeż tal-kondiviżjoni tad-data, it-twettiq ta' valutazzjonijiet dwar is-sigurtà kimika, id-derivazzjoni tal-klassifikazzjoni, u l-preparazzjoni tar-rapport dwar is-sigurtà kimika.
  • Il-preparazzjoni tad-dossier IUCLID u l-preżentazzjoni tiegħu: il-ħolqien tad-dossier tar-reġistrazzjoni konġunta f'IUCLID, il-preżentazzjoni tad-dossier lill-ECHA u s-segwitu għall-fattura u l-messaġġi f' REACH-IT.

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)