Identifika l-obbligi tiegħek

Skont REACH għandek obbligi speċifiċi għal kull sustanza individwali li tipproċessa, timporta jew tuża. L-obbligi tiegħek jiddependu mir-rwol tiegħek fil-katina tal-provvista għas-sustanza speċifika.

Anki għal taħlitiet jew oġġetti, ħafna mill-obbligi ta' REACH huma relatati mas-sustanzi li jinsabu fihom.

Jekk is-sustanza jew it-taħlita tiegħek hija kklassifikata bħala perikoluża, ser ikollok bżonn tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tas-CLP ukoll.

 

X'inhu n-Navigator?

In-Navigator huwa għodda interattiva li tista' tgħinek:

  • Tiċċara r-rwol tiegħek fil-katina tal-provvista.
  • Tidentifika l-obbligi tiegħek għal sustanzi individwali.
  • Issib dokumenti ta' gwida, manwali, leġiżlazzjoni u links rilevanti għal sorsi ta' informazzjoni oħrajn li jistgħu jgħinuk twettaq l-obbligi tiegħek.

Sessjoni tan-Navigator tapplika għal sustanza speċifika.

Jekk tifformula, tuża jew għandek x'taqsam ma' taħlitiet, l-ewwel pass qabel tuża n-Navigator huwa li tidentifika s-sustanzi li jinsabu f'dawk it-taħlitiet.

Jekk int produttur, importatur jew fornitur ta' oġġetti u għandek dubji dwar għal liema sustanzi teħtieġ tuża n-Navigator, tista' tibda bil-link għal "Informazzjoni għall-produttur, importatur jew fornitur ta' oġġetti" iktar 'l isfel.

In-Navigator ser jipprovdi lista ta' obbligi għal sustanza partikolari, fuq il-bażi tat-tweġibiet tiegħek għal sensiela ta' mistoqsijiet, eż. jekk timmanifatturax jew timportax is-sustanzi, kemm-il tunnellata, għal liema użu, jekk is-sustanza hijiex klassifikata bħala perikoluża, eċċ. Matul is-sessjoni tan-navigator għal kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet, hemm test informattiv li jippermettilek tagħżel tweġiba mill-għażliet offruti.

L-għodda ser tmexxik pass, pass u sejra tgħinek tiddetermina obbligi possibbli skont REACH u CLP għas-sustanza speċifika tiegħek u tipprovdi appoġġ rilevanti biex tissodisfa dawn l-obbligi. Madankollu, in-Navigator jipprovdi biss parir ġeneriku u ma jsolvix problemi speċifiċi (eż. mhuwiex ser jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar kif għandha tiġi kkassifikata sustanza partikolari taħt CLP).

 

Uża n-Navigator

Gwida rilevanti minn lista ġenerika ta' obbligi skont REACH u CLP

Il-"Lista ġenerika ta' obbligi" fiha l-obbligi potenzjali kollha li jinsabu fl-għodda, b'link għall-gwida dwar kif tissodisfa dawn l-obbligi. Jekk diġà taf liema obbligi japplikaw għalik, tista' tmur minnufih f'din il-lista u ssib il-gwida xierqa.

 

Dwar in-Navigator


Kif tuża n-Navigator?

In-Navigator jistaqsik serje ta' mistoqsijiet dwar is-sustanza kimika. Huwa importanti li inti tweġibhom tajjeb għax inkella n-Navigator jagħtik lista ħażina ta' obbligi. Għalhekk, huwa rrakkommandat li taqra b'attenzjoni l-ispjegazzjonijiet taħt kull mistoqsija qabel twieġeb il-mistoqsijiet.

F'ċerti każijiet problematiċi jista' jkun diffiċli li twieġeb. Jekk f'dan il-każ il-gwida ma tkunx biżżejjed, nagħtuk il-parir li tikkonsulta espert.

Is-sekwenza tal-mistoqsijiet tiddependi mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet ta' qabel.

Sessjoni ta' Navigator mhux dejjem hija l-istess għas-sustanzi kollha: ser isirulek biss il-mistoqsijiet rilevanti għal kull każ, fuq il-bażi tat-tweġibiet li tagħti f'kull stadju.

 

X'għandi bżonn qabel nibda sessjoni?

Qabel tuża n-Navigator, identifika s-sustanzi kollha li għandek x'taqsam magħhom, jew għażla ta' sustanzi li għalihom tixtieq li tibda sessjoni tan-Navigator. Trid tuża n-Navigator għal kull sustanza b'mod separat peress li l-mistoqsijiet jistgħu jvarjaw minn sustanza għal oħra (REACH japplika għas-sustanzi kollha, kemm jekk waħedhom, f'taħlita jew f'oġġett).

Jista' jkun li int tipproċessa, timporta jew tuża bosta sustanzi bl-istess mod u b'hekk it-tweġibiet tiegħek għall-mistoqsijiet ser ikunu simili. F'dan il-każ, jekk twettaq sessjonijiet differenti tan-Navigator ser tikseb l-istess lista ta' obbligi għall-istess sustanzi.

 

X'karatteristiċi jippermettu l-personalizzazzjoni tal-għodda?

  • Il-Kummenti Tiegħi

Tista' tinkludi l-kummenti tiegħek għal kull mistoqsija. Dawn huma biss għar-referenza tiegħek (eż. ir-raġunament li wassal għall-għażla tat-tweġiba, kummenti lil xi kollega) u ma jiġux ikkunsidrati mill-għodda biex jiġu stabbiliti l-obbligi tal-utent.

Biex iżżid kumment ikklikja fuq il-buttuna "Il-kummenti tiegħi". Dawn il-kummenti jiġu ssejvjati fl-"Istorja" tas-sessjoni tiegħek.

  • Storja

Il-buttuna "Storja" tippermettilek li tara l-mistoqsijiet kollha li jkunu saru, it-tweġibiet tiegħek għalihom, il-kummenti tiegħek għal kull mistoqsija u l-obbligi previsti għal dik is-sitwazzjoni skont REACH u CLP.

Huwa possibbli li turi biss suġġett wieħed jew uħud minn dawn is-suġġetti u li tarahom jew f'tabella jew bħala lista.

Jekk jogħġbok kun af li s-sessjoni ma tintemmx qabel ma twieġeb il-mistoqsijiet kollha. Il-buttuna "Storja" għas-sessjoni mhux mitmuma ser tintwera fuq l-iskrin taħt l-intestatura "Storja Temporanja".

L-Istorja ser tkun issejvjata għal 30 jum, inklużi d-dettalji tas-sessjoni mhux mitmuma. Jekk tixtieq tissejvja l-kontenut tas-sessjoni għal iktar żmien, tista' tagħmel dan billi tuża l-funzjonijiet tal-brawżer (eż. "file, save as …" jew funzjoni ekwivalenti, skont is-softwer tal-brawżer tal-internet).

  • Kif timmodifika t-tweġiba għal mistoqsija

Huwa possibbli li tmur lura biex tibdel it-tweġiba għal mistoqsija li diġà weġibt permezz tal-buttuna "preċedenti". Huwa possibbli wkoll li tibdel it-tweġiba għal xi mistoqsija preċedenti oħra. Għal dan, l-ewwel trid tagħfas il-buttuna "Storja".

Fil-paġna "Storja", fi tmiem kull mistoqsija tista' tagħfas fuq il-buttuna "Edit". Imbagħad titlagħlek il-mistoqsija, u tista' timmodifika t-tweġiba tiegħek. Jekk tibdel it-tweġiba għal xi mistoqsija preċedenti, is-sessjoni tiegħek ser tkompli minn dak il-punt u jintilfu t-tweġibiet kollha li tajt qabel għall-mistoqsijiet sussegwenti.

  • Riżultati tas-sessjoni

Fi tmiem is-sessjoni, tista' ssib il-lista ta' obbligi li japplikaw għalik, billi tikklikkja fuq il-buttuna "obbligu" jew billi tiċċekkja l-istorja billi tagħfas il-buttuna "Storja". Min din il-lista ta' obbligi, ser ikun hemm links għal-leġiżlazzjoni relevanti u d-dokumenti ta' gwida fejn jistgħu jinstabu aktar dettalji. Jiġu pprovduti wkoll links utli għal iktar informazzjoni.

 

Kif nista' nġib lura sessjoni preċedenti?

Kull darba li tibda sessjoni tan-Navigator, jiġi assenjat lilek ID uniku tan-Navigator li huwa magħmul minn numri, iġġenerati b'mod każwali. Jekk twaqqaf sessjoni, dejjem tista' ġġibha lura billi tikklikkja fuq "ġib lura sessjoni preċedenti" u ddaħħal l-ID tiegħek tan-Navigator. "Ġib lura sessjoni preċedenti" tista' tintuża wkoll biex issib sessjonijiet lesti.

Nagħtuk il-parir li żżomm l-ID tan-Navigator għal kull sessjoni malli tibda sessjoni u tillinkjah mal-identità tas-sustanza li għaliha inti tkun ftaħt is-sessjoni. Jekk jogħġbok kun af li huwa biss in-numru tas-sessjoni (u mhux l-isem tas-sustanza waħdu jew flimkien man-numru) li jista' jintuża biex tinġieb lura sessjoni preċedenti.

Ladarba jiġi assenjat, in-numru tal-ID tan-Navigator jidher fin-naħa ta' fuq ta' kull paġna tas-sessjoni tiegħek wara l-kliem "L-ID tiegħek tan-Navigator hu:". Barra minn hekk, jekk tistampa l-paġna "Storja" jew tissejvjaha (billi tuża l-funzjoni tal-brawżer tiegħek, kif diskuss iktar 'il fuq taħt "Storja") tkun tista' ssib dan in-numru.

Categories Display