Passi

Il-passi ewlenin li ġejjin huma involuti fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet sussegwenti dwar l-għoti ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' sustanza fuq il-Lista ta' Awtorizzazzjoni (jiġifieri l-Anness XIV) tar-Regolament REACH:

1. Ħejji applikazzjoni għal awtorizzazzjoni

Manufattur, importatur jew utent downstream tas-sustanza fuq il-Lista ta' Awtorizzazzjoni jista' jħejji applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-użu/użi personali tiegħu jew għal użi li għalihom għandu l-ħsieb li jqiegħed is-sustanza fis-suq.

2. Notifika u sessjonijiet ta' informazzjoni ta' qabel is-sottomissjoni

L-applikanti huma mitluba jinnotifikaw lill-ECHA kmieni biżżejjed bl-intenzjonijiet tagħhom li jissottomettu applikazzjoni. 

Meta jagħmlu notifika jew aktar tard, l-applikanti tal-ġejjieni jistgħu jitolbu sessjoni ta' informazzjoni ta' qabel is-sottomissjoni mal-ECHA biex jiċċaraw kwistjonijiet regolatorji u proċedurali marbuta mal-proċess ta' applikazzjoni ta' awtorizzazzjoni.

3. Issottometti l-applikazzjoni

L-applikanti jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom għal awtorizzazzjoni lill-ECHA.

4. Ħejji l-fattura

L-ECHA tara li l-applikazzjoni tkun imtliet sew u li tista' tiġi proċessata biex tkun tista' tħejji u tibgħat fattura.

5. Ħallas il-fattura

L-applikanti jeħtieġ li jħallsu l-fattura. Ladarba l-ECHA tirċievi l-ħlas sal-iskadenza speċifikata, l-applikazzjoni tiġi meqjusa bħala riċevuta u l-Kumitati jkunu jistgħu jibdew ix-xogħol tagħhom.

6. Ivverifika l-konformità

Il-Kumitati, megħjuna mis-Segretarjat, jivverifikaw jekk l-applikazzjoni tikkonformax mar-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-Artikolu 62 tar-Regolament REACH. Il-Kumitati flimkien jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali biex iġibu l-applikazzjoni f'konformità mar-Regolament.

7. Konsultazzjoni pubblika dwar l-użi li għalihom saret l-applikazzjoni

L-ECHA se tippubblika informazzjoni wiesgħa dwar l-użi li għalihom saret l-applikazzjoni fuq is-sit elettroniku tagħha billi tistieden partijiet interessati jissottomettu informazzjoni dwar sustanzi jew tekniki alternattivi possibbli għal dawn l-użi.

8. Teħtieġ informazzjoni addizzjonali dwar alternattivi

SEAC (il-Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika) jista' jeħtieġ lill-applikant jew lill-partijiet terzi jissottomettu informazzjoni addizzjonali dwar alternattivi fi skeda ta' żmien speċifikata.

9. Ħejji abbozzi ta' opinjonijiet ta' RAC (Kumitat għall-Istima tar-Riskji) u SEAC (Kumitat għall-Analiżi Soċjo-ekonomika)

Il-Kumitati jħejju u jadottaw abbozzi ta' opinjonijiet tagħhom għall-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fi żmien għaxar xhur tal-wasla tal-applikazzjoni. L-opinjonijiet huma bbażati fuq l-applikazzjoni, kwalunkwe informazzjoni li tasal matul il-konsultazzjoni pubblika, u kwalunkwe informazzjoni oħra dwar alternattivi li l-applikant jew il-partijiet interessati jkunu pprovdew abbażi tat-talba ta' SEAC.

10. Ikkummenta dwar abbozzi ta' opinjonijiet

L-applikant għandu l-possibbiltà jikkummenta dwar l-abbozzi ta' opinjonijiet fi żmien xahrejn li jkunu waslu.

11. Adotta l-opinjonijiet finali ta' RAC u SEAC

RAC u SEAC jadottaw l-opinjonijiet finali tagħhom billi jqisu l-kummenti possibbli li jkunu saru mill-applikant dwar l-abbozzi ta' opinjonijiet. Is-Segretarjat jibgħat l-opinjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-applikant. Verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-opinjonijiet se jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-ECHA.

12. Ħejji, adotta u ppubblika d-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni

Fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-opinjonijiet tal-Kumitati, il-Kummissjoni tħejji abbozz ta' deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata awtorizzazzjoni jew le. Sussegwentement, il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni li tagħti jew tirrifjuta l-awtorizzazzjoni.

Sommarju tad-deċiżjoni jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU) u se jkun disponibbli għall-pubbliku permezz ta' bażi ta' data miżmuma mill-ECHA. L-awtorizzazzjoni hija soġġetta għal perjodu ta' żmien limitat ta' reviżjoni (ara Reviżjoni tal-awtorizzazzjoni).

Reviżjoni tal-awtorizzazzjonijiet

L-awtorizzazzjonijiet huma validi sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi li tirtira jew temenda l-awtorizzazzjoni fil-kuntest ta' reviżjoni. Id-deċiżjonijiet kollha ta' awtorizzazzjoni se jiddefinixxu perjodu ta' żmien limitat ta' reviżjoni. Id-detenturi ta' awtorizzazzjonijiet għandhom jissottomettu rapport ta' reviżjoni mill-inqas 18-il xahar qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' żmien limitat ta' reviżjoni.

Barra minn dan, awtorizzazzjoni tista' tiġi riveduta fi kwalunkwe waqt jekk:

  • iċ-ċirkostanzi jinbidlu b'mod li jolqtu r-riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, jew l-impatt soċjo-ekonomiku; jew
  • issir disponibbli informazzjoni ġdida dwar sostituti possibbli.

13. Ikkonforma mal-awtorizzazzjoni

Id-detenturi ta' awtorizzazzjoni u utenti downstream li jużaw sustanza awtorizzata għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-deċiżjoni ta' awtorizzazjoni meta jqiegħdu s-sustanza fis-suq u/jew jużaw is-sustanza.

Id-detenturi ta' awtorizzazzjoni (jiġifieri manufatturi, importaturi u/jew utenti downstream) jeħtieġ li jinkludu n-numru ta' awtorizzazzjoni fuq it-tabella qabel ma jqiegħdu s-sustanza jew it-taħlita li fiha s-sustanza fis-suq. Dan għandu jsir mingħajr dewmien ladarba n-numru ta' awtorizzazzjoni jkun sar disponibbli għall-pubbliku (ara l-pass 12).

14. Reġistru tan-notifiki ta' utenti downstream

Utenti downstream ta' sustanza awtorizzata għandhom jinnotifikaw lill-ECHA fi żmien tliet xhur tal-ewwel provvista tas-sustanza.

L-ECHA se żżomm reġistru ta' notifiki tal-Utenti Downstream (ara l-pass 13) u se tagħti aċċess għal dan ir-reġistru lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)