Atturi

L-atturi prinċipali fil-proċess ta' awtorizzazzjoni ta' applikazzjoni huma:

1. Applikant

L-applikant jista' jkun manufattur, importatur jew utent downstream ta' sustanza li teħtieġ awtorizzazzjoni (kif elenkat fl-Anness XIV). L-applikant jista' japplika għal awtorizzazzjoni fir-rigward tal-użu personali tiegħu jew użu li għalih għandu ħsieb li jqiegħed is-sustanza fis-suq. Tista' ssir applikazzjoni minn persuna waħda jew diversi persuni, għal sustanza waħda jew diversi sustanzi li jissodisfaw id-definizzjonijiet ta' grupp ta' sustanzi skont it-taqsima 1.5 tal-Anness XI tar-Regolament REACH, u għal użu wieħed jew diversi użi.

Jekk il-Kummissjoni tawtorizza l-użu tas-sustanza, id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet iridu jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni meta s-sustanza titqiegħed fis-suq u/jew tintuża. Id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet jeħtieġ li jaġġornaw l-Iskeda ta' Data ta' Sigurtà u jinkludu n-numru tal-awtorizzazzjoni fuq it-tabella qabel ma jqiegħdu s-sustanza jew taħlita li fiha s-sustanza fis-suq.

2. ECHA

2.1 Kumitati tal-ECHA

Il-Kumitati għall-Valutazzjoni tar-Riskju u għall-Analiżi Soċjoekonomika għandhom jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

2.1.1 Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji (RAC)

Il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskji għandu jħejji opinjoni dwar l-applikazzjoni li tinkludi valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent li ġej mill-użu(i) tas-sustanza, inklużi l-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri għall-ġestjoni tar-riskji, kif deskritt fl-applikazzjoni u, jekk relevanti, valutazzjoni tar-riskji li ġejjin minn alternattivi possibbli;

2.1.2 Analiżi Soċjoekonomika Il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (SEAC)

l-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika jħejji opinjoni dwar l-applikazzjoni li tinkludi valutazzjoni tal-fatturi soċjoekonomiċi u d-disponibbiltà, l-adegwatezza u l-fattibilità ekonomika ta' alternattivi assoċjati mal-użu(i) tas-sustanza kif deskritt fl-applikazzjoni u dwar kwalunkwe informazzjoni dwar alternattivi sottomessi minn partijiet terzi interessati.

2.2 Is-Segretarjat tal-ECHA

Is-Segretarjat tal-ECHA jipprovdi gwida u għodod lill-applikanti għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet tagħhom. Is-Segretarjat jagħti wkoll appoġġ lill-Kumitati tal-ECHA billi jipprovdi servizzi xjentifiċi, tekniċi u regolatorji b'mod effiċjenti u trasparenti.

3. Partijiet interessati

Il-partijiet interessati huma ċittadini, organizzazzonijiet, kumpaniji kif ukoll awtoritajiet. Jistgħu jkunu mill-UE jew minn xi mkien ieħor. Dawn jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar sustanzi alternattivi jew teknoloġiji matul il-proċess ta' konsultazzjoni għal applikazzjonijiet kif ukoll għall-analiżi ta' awtorizzazzjonijiet.

4. Il-Kummissjoni Ewropea

L-opinjonijiet ta' RAC u SEAC intbagħtu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tħejji abbozz ta' deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni fi żmien 3 xhur mill-wasla tal-opinjonijiet mill-Aġenzija. Il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni finali li tagħti jew tirrifjuta l-awtorizzazzjoni. Is-sommarji tad-deċiżjoni se jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u se jkunu disponibbli għall-pubbliku permezz ta' bażi ta' data miżmuma mill- ECHA.

5. Utenti downstream

Utent Downstream jista' juża s-sustanza jekk awtorizzazzjoni għal dak l-użu ngħatat lil attur aktar 'il fuq fil-katina tal-provvista. Dan irid ikun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-awtorizzazzjoni u javża lill-ECHA dwar l-użu tiegħu tas-sustanza.

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)