Fehim tal-BPR

Ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPR), Regolament (UE) 528/2012) jikkonċerna t-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prodotti bijoċidali, li jintużaw għall-protezzjoni tal-bnedmin, l-annimali, materjali jew ta' oġġetti kontra organiżmi bħal pesti jew batteri, bl-azzjoni tas-sustanzi attivi kontenuti fil-prodott bijoċidali. Dan ir-regolament għandu l-iskop li jtejjeb il-funzjonament tas-suq tal-prodotti bijoċidali fl-UE, filwaqt li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għal bnedmin u għall-ambjent.

It-test kien addottat fit-22 ta' Mejju 2012 u ser ikun applikabbli mill-1 ta' Settembru 2013, b'perjodu tranżitorju għal ċerti dispożizzjonijiet. Iħassar id-Direttiva dwar il-Prodotti Bijoċidali (Direttiva 98/8/KE).

Il-prodotti bijoċidali kollha jeħtieġu awtorizzazzjoni qabel ma jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq, u s-sustanzi attivi kontenuti f'dak il-prodott bijoċidali għandhom ikunu qabel ġew approvati. Jeżistu, madankollu, ċerti eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Per eżempju, sustanzi attivi taħt il-programm ta' reviżjoni kif ukoll prodotti bijoċidali li jikkontjenu dawn is-sustanzi attivi jistgħu jitqiegħdu fis-suq waqt li jkunu qegħdin jistennew id-deċiżjoni finali dwar l-approvazzjoni. Awtorizzazzjonijiet provviżorji tal-prodott għal sustanzi attivi ġodda li jkunu għadhom taħt valutazzjoni jitħallew ukoll fis-suq.

Il-BPR għandu l-iskop li jarmonizza s-suq f'livell tal-Unjoni; jissimplifika l-approvazzjoni ta' sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni ta' prodotti bijoċidali; u jintroduċi żmien limitat għal valutazzjonijiet, l-iffurmar tal-opinjonijiet u t-teħid ta' deċiżjonijiet, tal-Istati Membri. Jippromwovi wkoll it-tnaqqis tal-ittestjar fuq l-annimali billi jintroduċi obbligi dwar il-kondiviżjoni tad-dejta u jinkoraġġixxi l-użu ta' metodi alternattivi ta' ttestjar.

Bħal fid-direttiva preċedenti, l-approvazzjoni ta' sustanzi attivi sseħħ fil-livell tal-Unjoni u l-awtorizzazzjoni sussegwenti tal-prodotti bijoċidali f'livell tal-Istati Membri. Din l-awtorizzazzjoni tista' tiġi estiża għal Stati Membri oħra permezz ta' rikonoxximent reċiproku. Madankollu, r-regolament il-ġdid jipprovdi wkoll lil applikanti bil-possibiltà ta' tip ġdid ta' awtorizzazzjoni f'livell tal-Unjoni (awtorizzazzjoni tal-Unjoni).

Pjattaforma dedikata tal-IT, ir-Reġistru għal Prodotti Bijoċidali (R4BP 3), ser tintuża biex jiġu ppreżentati applikazzjonijiet, tiġi skambjata dejta u informazzjoni bejn l-applikant, l-ECHA, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea. Għodda oħra tal-IT, IUCLID 5, tintuża biex jiġu ppreparati l-applikazzjonijiet. 

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)