Nifhmu l-POPs

Pollutanti organiċi persistenti (POPs) huma sustanzi organiċi li jippersistu fl-ambjent, jakkumulaw f’organiżmi ħajjin u jippreżentaw riskju għas-saħħa u għall-ambjent tagħna. Dawn jistgħu jiġu ttrasportati bl-ajru, bl-ilma jew bi speċi migratorji bejn il-fruntieri internazzjonali, li jilħqu reġjuni fejn qatt ma ġew prodotti jew użati. L-immaniġġjar tar-riskji internazzjonali huwa meħtieġ peress li l-ebda reġjun ma jista’ jimmaniġġja r-riskji ppreżentati minn dawn is-sustanzi waħdu.

Kif jaħdmu l-POPs?

Il-POPs huma regolati mad-dinja kollha mill-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u l-Protokoll ta’ Aarhus. Dawn is-siltiet ta’ leġiżlazzjoni jiġu implimentati fl-Unjoni Ewropea mir-Regolament dwar il-POPs.

Ir-Regolament dwar il-POPs għandu l-għan li jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent b’miżuri speċifiċi ta’ kontroll li:

  • jipprojbixxu jew jirrestrinġu severament il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ POPs;
  • jimminimizzaw ir-rilaxx ambjentali tal-POPs li jiġu ffurmati bħala prodotti sekondarji industrijali;
  • jiġi żgurat li l-ħażniet ta’ POPs ristretti jiġu mmaniġġjati b’mod sikur; u
  • jiżguraw ir-rimi ambjentalment korrett tal-iskart li jikkonsisti minn, jew li huwa kkontaminat b’POPs.

Sustanzi kimiċi li ġew identifikati bħala POPs jinkludu:

  • pestiċidi (bħal DDT);
  • sustanzi kimiċi industrijali (bħall-poliklorobifenili, li ntużaw b’mod wiesa’ fit-tagħmir elettriku); jew
  • prodotti sekondarji mhux intenzjonati li jiġu ffurmati matul proċessi industrijali, degradazzjoni jew kombustjoni (bħalma huma d-diossini u l-furani).

Skont ir-Regolament dwar il-POPs, l-ECHA tgħin biex tidentifika u tipproponi POPs ġodda mill-UE għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma. L-informazzjoni mill-Istati Membri li jimplimentaw ir-regolament tasal u tiġi pproċessata mill-Aġenzija u tiġi kkumpilata f’rapport ġenerali tal-Unjoni. L-ECHA tappoġġja wkoll l-identifikazzjoni tal-azzjonijiet futuri meħtieġa tal-UE għall-Pjan ta’ Implimentazzjoni dwar il-POPs tal-Unjoni.

Il-Forum ta’ Infurzar tal-ECHA jikkoordina netwerk ta’ awtoritajiet tal-Istati Membri li huma responsabbli wkoll għall-infurzar tar-regolament.