Nanomaterjali taħt ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali

In-nanomaterjali huma sustanzi kimiċi jew materjali li huma manifatturati u użati fuq skala żgħira ħafna. L-istrutturi tagħhom ivarjaw minn bejn wieħed u ieħor 1 sa 100 nm f'mhux anqas minn dimensjoni waħda.

Nanomaterjali għandhom karatteristiċi uniċi u aktar ippronunzjati meta mqabbel mal-istess materjal mingħajr karatteristiċi nanoskali. Għaldaqstant, il-karatteristiċi fiżikokimiċi tan-nanomaterjali jistgħu jvarjaw minn dawk tas-sustanza voluminuża jew partikoli ta' daqs akbar.

In-nanoteknoloġija qiegħda tespandi malajr. Għadd kbir ta' prodotti li fihom in-nanomaterjali diġà qegħdin fis-suq Ewropew (eż. batteriji, kisi, lbies anti-batteriku, kożmetiċi, prodotti tal-ikel). In-nanomaterjali joffru opportunitajiet tekniċi u kummerċjali, iżda jistgħu jippreżentaw riskji għall-ambjent u jqajmu tħassib fejn jidħlu s-saħħa u s-sigurtà għall-bnedmin u l-annimali.

 

 

Ir-Regolament dwar Prodotti Bijoċidali għandu dispożizzjonijiet speċifiċi għan-nanomaterjali. Id-dispożizzjonijiet japplikaw għal prodotti u sustanzi li jissodisfaw il-kriterji definiti fir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali. Dawn id-definizzjonijiet huma bbażati fuq ir-rakkmandazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta' nanomaterjali.
 
Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għal sustanzi attivi u mhux attivi bil-karatteristiċi li ġejjin:
  • 50% jew aktar tal-partikoli għandhom daqs ta' 1-100 nm f'mhux anqas minn dimensjoni waħda
  • Il-partikoli huma fi stat mhux marbut jew bħala aggregat jew agglomerat
Il-Kummissjoni tista' taddatta din id-definizzjoni skont il-progress xjentifiku u tekniku, u tista' wkoll, fuq it-talba ta' Stat Membru, taddotta deċiżjoni dwar jekk sustanza speċifika hijiex nanomaterjal.
 
Skont il-BPR, l-approvazzjoni ta' sustanza attiva ma tkoprix in-nanoforma tas-sustanza attiva ħlief meta jissemma' b'mod espliċitu. Dossier separat bir-rekwiżiti kollha tad-dejta għandu ġeneralment jiġi ppreparat għal nanoforom ta' sustanzi attivi.
 
Hija meħtieġa stima tar-riskji dedikata meta n-nanoforom tas-sustanzi attivi u mhux attivi jintużaw fi prodott bijoċidali. It-tikketta tal-prodott bijoċidali għandha turi l-isem ta' kull nanomaterjal segwit bil-kelma "nano" fil-parentesi. Prodotti li fihom in-nanomaterjali huma esklużi mill-proċedura ta' awtorizzazzjoni simplifikata.
 

Monitoraġġ u rappurtar 

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-BPR kull ħames snin. Ir-rappurtar għandu jinkludi informazzjoni dwar l-użu ta' nanomaterjali fi prodotti bijoċidali u r-riskji potenzjali identifikati. Ir-rapporti għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju tas-sena rilevanti u jkopru l-perjodu sal-31 ta' Diċembru tas-sena li tkun tippreċedi l-preżentazzjoni tagħhom.