Kif torganizza lilek innifsek għall-aġġornamenti tad-dossiers

Id-dossier tar-reġistrazzjoni irid jirrifletti l-għarfien attwali dwar kif is-sustanza tiegħek tista’ tintuża b’mod sigur fis-siti ta’ produzzjoni u minn utenti fil-katina kollha ta’ forniment. Dan ifisser li wara li inti tkun ippreżentajt reġistrazzjoni b’suċċess u ksibt in-numru ta’ reġistrazzjoni tiegħek, xorta għad baqagħlek ħafna xogħol. 

 

Organizza lilek innifsek fi ħdan il-kumpanija tiegħek

Inti responsabbli li żżomm ir-reġistrazzjoni tiegħek aġġornata. L-informazzjoni dwar il-kumpanija tiegħek, il-kompożizzjoni tas-sustanza inti u timmanifatturaha jew timportaha, u l-użijiet tal-klijenti tiegħek, pereżempju, huma l-partijiet tar-reġistrazzjoni tiegħek li għandek bżonn tieħu ħsiebhom inti.

Jenħtieġ li jkollok proċessi, sistemi u twissijiet stabbiliti fil-kumpanija tiegħek, sabiex tkun tista’ tidentifika meta jkollok tagħmel tibdiliet fir-reġistrazzjoni tiegħek. Pereżempju, għandek bżonn tistabbilixxi proċess biex tirċievi u tanalizza l-feedback mill-klijenti tiegħek, u ssegwi l-litteratura xjentifika li tikkonċerna s-sustanza tiegħek.

Għandek taġġorna d-dossier tiegħek, fil-format IUCLID, pereżempju fil-każijiet li ġejjin:

  • Tbiddel il-materja prima, il-proċess ta’ produzzjoni jew il-fornitur tiegħek, u b’riżultat ta’ dan is-sustanza tiegħek issa fiha impuritajiet (perikolużi) jew kostitwenti (minuri) differenti.
  • Tbiddel il-volum tal-importazzjoni jew tal-produzzjoni tas-sustanza tiegħek. Id-dossier tiegħek għandu dejjem jinkludi l-informazzjoni dwar it-tunnellaġġ l-aktar reċenti, għaldaqstant irrapporta kemm it-tnaqqis kif ukoll iż-żidiet.
  • Jekk il-volum tiegħek jiżdied u jiċċaqlaq għall-medda ta’ tunnellaġġ li jmiss, hemm żewġ sitwazzjonijiet possibbli:
    • Id-data meħtieġa hija diġà disponibbli permezz tar-reġistrazzjoni konġunta: Informa lill-koreġistranti tiegħek (inkluż ir-reġistrant prinċipali) dwar liema studji addizzjonali teħtieġ, u akkwista aċċess għad-data neċessarja mingħandhom, pereżempju, billi tixtri l-ittra ta’ aċċess rilevanti.
    • Id-data mhijiex disponibbli permezz tar-reġistrazzjoni konġunta: Issottometti talba lil ECHA. Inti se tirċievi i) informazzjoni dwar liema data hija disponibbli fir-reġistrazzjoni konġunta u ii) data sottomessa aktar minn 12-il sena qabel.

      Jekk l-ebda waħda minnhom ma tapplika, jenħtieġ li tikkunsidra kif tista’ timla l-lakuni fid-data.

  • Issir taf dwar użijiet ġodda mingħand il-klijenti tiegħek. F’tali każ, jaf ikollok bżonn ukoll taġġorna r-rapport dwar is-sigurtà kimika.
  • Jenħtieġ li taġġorna l-informazzjoni relatata ma’ karatteristika li ma tkunx għażiltha fis-sottomissjoni konġunta.
  • Il-fornitur tiegħek jifformula mill-ġdid taħlita li inti timporta. Jaf ikollok bżonn tagħmel notifika dwar waqfa ta’ importazzjoni għal sustanza.
  • Issir konxju ta’ informazzjoni ġdida dwar il-karatteristiċi tas-sustanza tiegħek li jenħtieġ li tinġieb għall-attenzjoni tal-koreġistranti tiegħek u tar-reġistrant prinċipali. Jenħtieġ li jkun hemm qbil dwar kif se tiġi aġġornata l-parti konġunta tar-reġistrazzjoni.

Għandek tissottometti l-aġġornamenti kollha tar-reġistrazzjoni tiegħek lill-ECHA permezz ta’ REACH-IT mingħajr dewmien żejjed.

Il-biċċa l-kbira tal-aġġornamenti tad-dossiers huma bla ħlas. Madankollu, hemm tariffa għal titjib fil-medda ta’ tunnellaġġ.

 

Organizza lilek innifsek flimkien mal-koreġistranti tiegħek

Il-koreġistranti kollha (reġistranti prinċipali u reġistranti membri) għandhom bejniethom ir-responsabbiltà li jżommu l-parti konġunta tar-reġistrazzjoni aġġornata. Din tinkludi informazzjoni dwar il-karatteristiċi fiżikokimiċi, tossikoloġiċi u ekotossikoloġiċi tas-sustanza, il-klassifikazzjoni u t-tikkettar, u gwida dwar l-użu sigur.

Jenħtieġ li jkollok ftehim ta’ kollaborazzjoni stabbilit biex tiġġestixxi x-xogħol. Barra minn hekk, xi wħud mill-aġġornamenti jwasslu għal spejjeż ġodda, u għalhekk jenħtieġ li jkollok mekkaniżmu li permezz tiegħu tiftiehem mal-koreġistranti tiegħek dwar kif dawn l-ispejjeż se jinqasmu.

Il-parti konġunta tar-reġistrazzjoni għandha tiġi aġġornata, fil-format IUCLID, pereżempju  fil-każijiet li ġejjin:

  • Issir konxju ta’ karatteristiċi perikolużi ġodda għas-sustanza, pereżempju matul analiżi regolari tal-letteratura jew wara l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni ġdida minn klijent.
  • Rapport dwar is-sigurtà kimika sottomess b’mod konġunt jenħtieġ li jiġi aġġornat, wara l-identifikazzjoni ta’ użijiet ġodda jew użijiet li mhumiex rakkomandati għas-sustanza, pereżempju.
  • Il-klassifikazzjoni u t-tikkettar tas-sustanza tiegħek jinbidlu, pereżempju b’riżultat ta’ bidliet fir-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni u t-Tikkettar (CLP) jew meta ssir disponibbli informazzjoni ġdida dwar il-karatteristiċi perikolużi.
  • Kumpanija fis-sottomissjoni konġunta żżid il-volum tal-produzzjoni tagħha u tiċċaqlaq għal medda ta’ tunnellaġġ ogħla. Jekk l-informazzjoni meħtieġa għar-reġistrazzjoni fil-medda ta’ tunnellaġġ ogħla tkun għadha mhijiex disponibbli fis-sottomissjoni konġunta, ikun jenħtieġ li tiġi ġenerata u inkluża fid-dossier. Il-koreġistranti jridu jaqblu dwar l-approċċ. Tal-inqas, trid issaqsi lir-reġistranti kollha fis-sottomissjoni konġunta jekk għandhomx xi informazzjoni rilevanti jew anke jekk humiex beħsiebhom jiċċaqilqu għal medda ta’ tunnellaġġ ogħla.
  • L-ECHA jew Stat Membru titlob/jitlob informazzjoni addizzjonali mill-koreġistranti matul evalwazzjoni ta’ dossier jew ta’ sustanza. Il-koreġistranti jenħtieġ li jaqblu dwar l-approċċ.

L-aġġornamenti kollha fil-parti konġunta tar-reġistrazzjoni jridu jiġu sottomessi mir-reġistrant prinċipali permezz ta’ REACH-IT mingħajr dewmien żejjed jew sal-iskadenza ddikjarata fid-deċiżjoni tal-awtorità.

Dawn l-aġġornamenti tad-dossiers huma bla ħlas, ħlief jekk tagħmel talba biex informazzjoni speċifika tinżamm kunfidenzjali.

 

Immaġni
Ftakar li għandek iżżomm l-informazzjoni amministrattiva kollha tiegħek – bħall-informazzjoni dwar l-entità legali, l-indirizz u l-persuna ta’ kuntatt tiegħek – fuq REACH-IT aġġornati. B’dan il-mod, l-awtoritajiet u l-koreġistranti tiegħek ikunu dejjem jistgħu jikkuntattjawk dwar ir-reġistrazzjoni tiegħek.

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)