Bisfenol A

Bisfenol A (BPA) huwa sustanza kimika industrijali li ilu jintuża mis-sittinijiet. Ħafna minnu jintuża fil-manifattura tal-plastik, iżda xi ftit minnu jintuża f’reżini u fil-karta termika.

Il-BPA jintuża bħala monomeru fil-manifattura ta’ plastik polikarbonat. Il-prodotti tal-plastik polikaronat jinkludu varjetà ta’ prodotti komuni tal-konsumaturi, bħal pożati u reċipjenti għal fuq il-mejda tal-plastik li jistgħu jerġgħu jintużaw u flixkien għax-xorb, tagħmir sportiv, CDs u DVDs.

Reżini epossidiċi li jkun fihom il-BPA jintużaw biex jiksu n-naħa ta’ ġewwa tal-pajpijiet tal-ilma u n-naħa ta’ ġewwa tal-laned għall-ikel u għax-xorb sabiex jiżdied iż-żmien tal-ħżin tagħhom u jiġi evitat li jkollhom togħma metallika fl-ikel jew fix-xorb.

Il-BPA jintuża wkoll biex jiġi żviluppat kolorant fil-karta termika, li tintuża fl-irċevuti tal-bejgħ tal-ħwienet u fil-biljetti tat-trasport pubbliku u tal-ipparkjar.

Il-mod ta’ kif jintuża Bisfenol A qiegħed jiġi kkontrollat

Ristrett f’karta termika

F’Diċembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tillimita l-BPA fil-karta termika fl-UE. Din il-projbizzjoni sejra tidħol fis-seħħ fl-2020, filwaqt li sejra tagħti lill-manifatturi, l-importaturi u l-utenti tal-karta termika ż-żmien biex jeliminawha gradwalment u jsibu alternattiva.

Bħala riżultat tar-restrizzjoni, il-manifatturi tal-karta sejrin jeħtieġu li jissostitwixxu l-BPA bi żviluppaturi tal-koloranti oħra. Sostituzzjoni waħda potenzjali li qiegħda tiġi kkunsidrata mill-industrija hija s-sustanza kimika Bisfenol S (BPS). Madankollu, ġie espress tħassib li din tista’ tikkawża problemi tas-saħħa simili bħall-BPA. Sabiex jiġi żgurat li sustanza kimika ma tiġix sostitwita b’oħra, il-BPS bħalissa jinsab taħt valutazzjoni tas-sustanza u l-Kummissjoni Ewropea talbet ukoll lill-ECHA tkompli tinvestiga l-użu tal-BPS bħala sostitut għall-BPA fil-karta termika.

L-ECHA talbet lill-industrija tipprovdi aġġornamenti annwali dwar l-użu tal-BPS u żviluppaturi alternattivi oħra għall-BPA fil-manifattura tal-karta termika fl-UE. Aktar informazzjoni dwar il-volumi tal-alternattivi użati fil-manifattura tal-karta termika tista’ tinstab fid-dokument disponibbli taħt “Aktar informazzjoni”.

Ikklassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni tal-bniedem

Bisfenol A huwa kklassifikat fl-UE bħala sustanza li għandha effetti tossiċi fuq il-kapaċità tagħna li nirriproduċu. Il-manifatturi, l-importaturi jew il-fornituri kollha tal-BPA jeħtiġilhom jikklassifikaw u jittikkettjaw taħlitiet li jkun fihom il-BPA bħala tossiċi għar-riproduzzjoni kategorija 1B sal-1 ta’ Marzu 2018. Dan ifisser li l-kumpaniji sejrin ikunu infurmati aħjar dwar l-effetti perikolużi potenzjali u kif il-ħaddiema jistgħu jiġu protetti.

Identifikat bħala interferent endokrinali għal saħħet il-bniedem u għall-ambjent

F’Jannar 2017, Bisfenol A ġie elenkat fil-Lista ta’ Kandidati ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (SVHCs) minħabba l-karatteristiċi tossiċi għar-riproduzzjoni tiegħu. F’Ġunju 2017, il-Kumitat tal-Istati Membri tal-ECHA appoġġja l-proposta Franċiża sabiex Bisfenol A jiġi identifikat b’mod addizzjonali bħala sustanza ta' tħassib serju ħafna wkoll minħabba l-karatteristiċi tiegħu li jfixklu s-sistema endokrinali li jikkawżaw effetti serji probabbli għas-saħħa tal-bniedem li jagħtu bidu għal livell ekwivalenti ta’ tħassib għal sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi, tossiċi għar-riproduzzjoni (CMRs kategorija 1A jew 1B). F’Jannar 2018, l-entrata tal-BPA ġiet aġġornata biex tirrifletti raġuni addizzjonali għall-inklużjoni fil-Lista ta’ Kandidati minħabba l-karatteristiċi tiegħu li jfixklu s-sistema endokrinali li jikkawżaw effetti avversi għall-ambjent, kif propost mill-Ġermanja.

Limitat f’materjal f’kuntatt mal-ikel

Mill-1 ta’ Ġunju 2011, il-BPA ġie pprojbit mill-fliexken għat-tisqija tat-trabi madwar l-UE. Fil-Belġju, fl-Iżvezja u fid-Danimarka, dan huwa pprojbit ukoll f’materjal ieħor li jiġi f’kuntatt mal-ikel maħsub għal trabi u għal tfal taħt tliet snin. Franza pprojbixxiet il-BPA fl-imballaġġ tal-ikel, fil-kontenituri u fl-għodda tal-kċina kollha. Il-BPA huwa permess għall-użu f’materjal li jiġi f’kuntatt mal-ikel fl-UE, madankollu, hemm ammont massimu li huwa permess li jiskula mill-materjal. L-EFSA qiegħda fil-proċess li tevalwa mill-ġdid ir-riskji għas-saħħa pubblika relatati mal-preżenza tal-BPA fl-ikel. 

F’Jannar 2018, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament Ewropew approva l-proposta tal-Kummissjoni biex jitbaxxa l-limitu ta’ migrazzjoni speċifika (SML), applikabbli għall-plastik, il-kisi u l-verniċ u sorsi ta’ kuntatt oħra tal-BPA minn 0.6 mg/kg għal 0.05 mg/kg. Din timponi wkoll projbizzjoni fuq bisfenol A fil-fliexken tal-plastik u l-imballaġġ li fih ikel għat-trabi u għal tfal taħt tliet snin.

Limitu fil-ġugarelli

Bħalissa fl-UE, hemm limitu fuq l-ammont tal-BPA li huwa permess li jiskula mill-ġugarelli għat-tfal sal-età ta’ tliet snin u fi kwalunkwe ġugarell li huwa maħsub biex jitqiegħed f’ħalq it-tfal. Bħalissa, dan il-limitu ta’ migrazzjoni huwa 0.1 mg/l ta’ BPA. Madankollu, mis-26 ta’ Novembru 2018, sejjer japplika limitu aktar baxx ta’ 0.04 mg/l.