Min hu responsabbli mis-sigurtà kimika?
-
Kimiċi f'Ħajjitna
- Xi ngħidu għall-ittestjar tal-annimali?
- Uża s-sustanzi kimiċi b'mod sigur fuq ix-xogħol
- Liem huma l-kimiki ta' tħassib?
- Hemm alternattivi aktar siguri?
- Kif nista' nuża l-kimiki b'mod sigur?
- Għaliex huma importanti l-kimiki?
- Min hu responsabbli mis-sigurtà kimika?
- Kif il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-sustanzi kimiċi ttejbilna ħajjitna
- Għaliex in-nanomaterjali huma importanti?
Min hu responsabbli mis-sigurtà kimika?
Eluf ta' sustanzi kimiċi - li jinsabu fin-natura kif ukoll magħmula mill-bniedem - jintużaw fil-prodotti ta' kuljum biex itejbu l-kwalità ta' ħajjitna. Madankollu, jaf mhux dejjem kienet disponibbli informazzjoni komprensiva dwar l-effetti li għandhom dawn is-sustanzi kimiċi fuq saħħitna u fuq l-ambjent. Fl-2006, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea laħqu ftehim dwar biċċa leġiżlazzjoni ġdida dwar is-sustanzi kimiċi, REACH. Wieħed mill-għanijiet tagħha kien li tiġi ġġenerata informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi kollha li jintużaw fl-UE biex b'hekk ikunu jistgħu jintużaw b'mod sigur u jiġu eliminati gradwalment dawk l-aktar perikolużi.
Il-mira: użu sigur tas-sustanzi kimiċi
Jekk ma jiġux ikkontrollati b'mod xieraq, is-sustanzi kimiċi b'karatteristiċi perikolużi jistgħu jinstabu f'postijiet fejn mhux suppost qegħdin hemm: fl-iġsma tal-bnedmin, fil-pjanti, fl-annimali, fl-ilma u fil-ħamrija. Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, REACH jitlob li l-kumpaniji jżidu l-għarfien tagħhom dwar is-sustanzi kimiċi li jipproduċu u jgħaddu l-informazzjoni lill-klijenti tagħhom. Dan itejjeb il-fehim tagħna u jżid l-għarfien dwar is-sustanzi kimiċi u l-perikli tagħhom.
Sabiex jintlaħaq l-użu sigur tas-sustanzi kimiċi, diversi atturi għandhom responsabbiltà konġunta.
L-industrija hija responsabbli għall-ġestjoni tar-riskji tas-sustanzi kimiċi u li tipprovdi informazzjoni tas-sigurtà dwarhom. Skont REACH, il-manifatturi u l-importaturi jridu jiġbru u jgħaddu informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sustanzi kimiċi tagħhom biex b'hekk l-utenti jkunu jistgħu jimmaniġġjawhom b'mod sigur. L-industrija jeħtieġ li tikkonforma mal-miżuri protettivi, bħal restrizzjonijiet jew awtorizzazzjoni.
Ir-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni, it-Tikkettar u l-Imballaġġ (CLP) jitlob li l-perikli tal-oġġetti jiġu kkomunikati b'mod ċar lill-ħaddiema u l-klijenti fl-UE. L-industrija għandha tidentifika kwalunkwe karatteristika perikoluża tas-sustanzi tagħha (sustanzi jew taħlitiet) li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-bnedmin jew l-ambjent. Dawn għandhom jikklassifikawhom skont il-perikli identifikati. Is-sustanzi kimiċi perikolużi għandhom jiġu ttikkettati b'mod xieraq biex b'hekk l-utenti, kemm jekk ħaddiema kif ukoll jekk konsumaturi, ikunu jistgħu jifhmu l-effetti tagħhom u jagħmlu għażliet infurmati dwar il-prodotti li jixtru u jużaw.
Bir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPR), il-fornituri ta' sustanzi bijoċidali attivi għandhom jipprovdu informazzjoni dwar is-sustanza. Il-prodotti bijoċidali kollha jeħtieġu awtorizzazzjoni mill-ECHA jew awtorità nazzjonali qabel ma jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq. Is-sustanzi attivi li huma inklużi fil-prodott bijoċidali għandhom ikunu ġew approvati preċedentement.
L-ECHA taġixxi bħala punt ċentrali fil-ġestjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-industrija. L-Aġenzija ppubblikat fuq il-websajt tagħha, informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi li ġew irreġistrati s'issa taħt REACH u r-rekwiżiti tagħhom ta' klassifikazzjoni, tikkettar u imballaġġ. Il-websajt tal-ECHA tinkludi wkoll informazzjoni dwar is-sustanzi u l-prodotti bijoċidali.
Minbarra d-database pubbliku, l-ECHA tevalwa wkoll l-informazzjoni pprovduta mill-industrija dwar is-sustanzi kimiċi li tippoduċi u tikkoordina x-xogħol dwar l-approvazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-bijoċidi. Fejn id-dejta ma tkunx xierqa, l-ECHA tista' titlob għal aktar informazzjoni. Billi ttejjeb l-għarfien u tqajjem kuxjenza, maż-żmien, is-sustanzi l-aktar perikolużi ser jiġu eliminati gradwalment u sostitwiti b'oħrajn aktar siguri.
L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-użu sigur tas-sustanzi kimiċi. Dawn jikkooperaw mill-qrib mal-ECHA u l-Kummissjoni Ewropea. L-awtoritajiet nazzjonali jevalwaw is-sustanzi rreġistrati u huma involuti mill-qrib fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta' evalwazzjoni tal-ECHA. L-Istati Membri jistgħu jipproponu restrizzjonijiet għas-sustanzi kimiċi jekk ir-riskji tagħhom ikunu jridu jiġu identifikati fil-livell Ewropew. Dawn jistgħu jipproponu wkoll sustanzi li jkunu jridu jiġu identifikati bħala sustanzi potenzjali ta' tħassib serju ħafna. L-Istati Membri jevalwaw ukoll l-applikazzjonijiet relatati mal-bijoċidali.
L-awtoritajiet ta' infurzar nazzjonali huma responsabbli biex jiżguraw li l-kumpaniji jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi.
Is-sigurtà f'kuntest internazzjonali
Minkejja li l-UE għandha l-aktar leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi ambizzjuża fid-dinja, ma tinsabx waħedha tfittex li tnaqqas ir-riskji tas-sustanzi kimiċi. L-ECHA tikkoopera fuq livell internazzjonali biex timmaniġġja s-sustanzi kimiċi b'mod sigur permezz ta' ftehimiet reċiproċi żviluppati taħt in-Nazzjonijiet Uniti.
Rabtiet ma' leġiżlazzjoni oħra tal-UE
Il-valutazzjoni tas-sustanzi kimiċi perikolużi skont REACH hija biss waħda mill-modi biex dawn jiġu kkontrollati. REACH jipprovdi approċċ ġenerali biex jitnaqqsu s-sustanzi kimiċi li jintużaw madwar l-Ewropa kollha. Dan ovvjament huwa ta' benefiċċju għall-ambizzjonijiet ta' leġiżlazzjoni oħra tal-UE.
- Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma
Din ġiet introdotta fis-sena 2000. Tistabbilixxi l-istandards ta' kwalità ambjentali għall-ilma madwar l-UE kollha. Wieħed mill-aspetti tagħha huwa li tiddefinixxi s-sustanzi li jniġġsu ta' tħassib serju. Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tista' tuża l-informazzjoni pprovduta permezz ta' REACH sabiex jiġu identifikati s-sustanzi li jniġġsu. - Ir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Sustanzi li Jniġġsu (E-PRTR) - Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma
Dan ġie ffurmat fl-2006. Ir-Reġistru jiġbor fih id-dejta ambjentali mibgħuta mill-faċilitajiet industrijali fl-Istati Membri. Ikopri disa' setturi ekonomiċi, li wieħed minnhom huwa l-industrija tas-sustanzi kimiċi. - Id-Direttiva dwar ir-Restrizzjoni tas-Sustanzi Perikolużi (RoHS)
Din daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2006. Tillimita (b'eċċezzjonijiet) l-użu ta' sitt materjali perikolużi fil-manifattura ta' diversi tipi ta' tagħmir elettroniku u tal-elettriku. - Id-Direttiva dwar Skart ta' Tagħmir Elettriku u Elettroniku (WEEE)
Din tistabbilixxi l-miri ta' ġbir u riċiklaġġ għall-oġġetti tal-elettriku u hija parti minn inizjattiva biex jitnaqqsu l-ammonti kbar ta' skart elettroniku tossiku. - Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti
Il-leġiżlazzjoni tal-EU tirregola l-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u r-residwi tagħhom fl-ikel. - Leġiżlazzjoni dwar sustanzi kimiċi speċifiċi
Pereżempju fertilizzanti u deterġenti - Gassijiet fluworurati b'effett ta' serra
EU Privacy Disclaimer
Dan is-sit web juża l-cookies biex jiżgura li jkollok l-aqwa esperjenza fuq is-siti web tagħna.