Liem huma l-kimiki ta' tħassib?

 

Introduzzjoni

Kwalunkwe sustanza kimika li potenzjalment tista' tikkawża ħsara hija kkunsidrata bħala perikoluża. Ċerti sustanzi kimiċi jistgħu jikkawżaw tipi differenti ta' ħsara, li tvarja minn irritazzjoni ħafifa tal-ġilda sa kanċer. Dawn jistgħu wkoll ikollhom impatti sinifikanti fuq l-ambjent, inkluż l-arja, l-ilma u l-art; u jistgħu jaffettwaw ħażin il-pjanti u l-annimali.

Sustanza kimika tista' biss tikkawża ħsara lil saħħitna jew lill-ambjent, jekk inkunu esposti għaliha. Biex nipproteġu lilna nfusna minn sustanzi kimiċi perikolużi, dawn għandhom jiġu mmaniġġjati b'mod xieraq biex b'hekk l-esponiment ikun jista' jitnaqqas għal livell aċċettabbli - jew ikunu jridu jiġu ssostitwiti minn alternattivi aktar siguri.

Sustanza tiġi kklassifikata fil-livell tal-UE meta jkollha ċerti karatteristiċi ta' ħsara. L-inventarju sħiħ ta' sustanzi kklassifikati huwa disponibbli fuq il-websajt tal-ECHA. Tista' ssir taf ukoll kif għandhom jiġu ttikkettati dawn is-sustanzi.

Hemm applikabbli firxa sħiħa ta' miżuri protettivi regolatorji għal sustanzi kimiċi perikolużi skont REACH u leġiżlazzjoni oħra tal-UE.  Pereżempju, jeżistu restrizzjonijiet  fuq il-provvista lill-konsumaturi ta' diversi sustanzi perikolużi. Oħrajn jistgħu biss jitqiegħdu fis-suq jekk ikun ġie awtorizzat użu speċifiku.