Għalfejn tissostitwixxi?

Jeżistu diversi raġunijiet għaliex il-kumpaniji qegħdin jieħdu dan il-pass. Bħala parti mir-riċerka tagħhom biex itejbu l-funzjonalità teknika tal-prodott tagħhom, il-kumpaniji jistgħu jkunu jixtiequ jnaqqsu r-riskju potenzjali kkawżat minn sustanza li jużaw.  Jistgħu jiddeċiedu li jaqilbu għal sustanza kimika inqas perikoluża, teknika alternattiva jew għal diżinn ta' prodott differenti. Fil-prattika, hija ħafna drabi kombinazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet li sseħħ. Dawn l-azzjonijiet ġeneralment itejbu l-effiċjenza, l-innovazzjoni fit-tmexxija, jgħinu biex wieħed jottjeni vantaġġ kompetittiv u jtejbu s-sigurtà jew jiffrankaw l-ispejjeż.

L-innovazzjoni u l-effiċjenza

Li tfittex alternattivi aktar siguri jġiegħel lill-kumpanija tiegħek tħares sistematikament lejn dak li inti qiegħed tagħmel u lejn kif qiegħed tagħmlu. Tista' anke tirrealizza li l-funzjoni mwettqa mis-sustanza jew mit-taħlita li qiegħed tuża m'għadhiex neċessarja jekk inti tbiddel il-proċess jew id-diżinn tal-prodott tiegħek. Din min-naħa tagħha hija motivatur tal-innovazzjoni. Li wieħed jerġa' jħares lejn il-materjali li juża u lejn il-proċess tal-produzzjoni jista' jirriżulta wkoll f'aktar effiċjenza, inkluż l-użu aktar baxx ta' riżorsi jew il-ġenerazzjoni ta' inqas skart matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott finali tiegħek.

Vantaġġ kompetittiv

Li tissostitwixxi sustanzi kimiċi perikolużi jista' jagħtik vantaġġ kompetittiv fis-suq. Il-klijenti tiegħek japprezzaw prodotti effettivi li huma wkoll aktar siguri għal ħaddiema u konsumaturi b'inqas impatti avversi fuq l-ambjent. Is-sostituzzjoni tiegħek tista' tippermetti wkoll lill-klijenti tiegħek jottjenu vantaġġ fis-suq u tista' tnaqqas l-ispejjeż li jkollhom biex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà kimika. Qiegħed il-prodott tiegħek tajjeb fis-suq u b'hekk tispikka mill-kompetizzjoni.

Tfaddil fi spejjeż regolatorji

Sustanzi kimiċi perikolużi huma rregolati b'mod aktar strett sabiex jipproteġu lill-bnedmin u lill-ambjent mill-effetti ta' ħsara tagħhom. B'konsegwenza jeħtieġu livelli ogħla ta' kontroll fil-post tax-xogħol u 'l isfel fil-katina tal-provvista. Billi tissostitwixxihom b'sustanzi kimiċi jew b'tekniki alternattivi aktar siguri, inti tiggwadanja l-ħin u l-isforz involuti fl-immaniġġjar tar-riskji li jirrelataw mal-użu tagħhom.

Li tagħmel l-għażla t-tajba

Ħafna kumpaniji jaraw is-sostituzzjoni sempliċiment bħala l-għażla t-tajba. Li tnaqqas ir-riskju potenzjali għall-impjegati tiegħek li jaħdmu bis-sustanza, għall-konsumaturi li jużaw il-prodotti tiegħek u l-impatt ambjentali tal-attivitajiet tiegħek hija xi ħaġa tajba. Qiegħed tagħmel il-parti tiegħek biex l-Ewropa ssir post aktar b'saħħtu għalina kollha u għall-ġenerazzjonijiet fil-ġejjieni.

Teħtieġ aktar żmien?

Li ssib alternattivi u tittestjahom jista' jieħu żmien twil. Jekk is-sustanza tiegħek hija inkluża fil-Lista tal-Awtorizzazzjoni REACH, inti ma tistax tużaha wara d-data tat-terminazzjoni tagħha. F'każ li sa dak iż-żmien ma jkollokx alternattiva, jeħtieġ li tapplika għal awtorizzazzjoni biex tuża s-sustanza tiegħek.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara L-Awtorizzazzjoni REACH

 

Categories Display

Itteggjat bħala

(Ikklikkja t-tag biex tfittex kontenut relevanti)