Żviluppa strateġija ta' applikazzjoni

Żviluppa strateġija ta' applikazzjoni

Jekk xi waħda mis-sustanzi tiegħek tkun affettwata mill-awtorizzazzjoni, il-pass li jmiss ikun li tiġi żviluppata strateġija dwar kif tipproċedi.

Inti għandek

  • tesplora jekk hemmx alternattivi aktar siguri u tivvaluta jekk huwiex possibbli li dawn jiġu sostitwiti, u
  • tivvaluta wkoll l-importanza tas-sustanza għan-negozju tiegħek u għall-katina ta’ provvista tiegħek.

Jekk tiddeċiedi li jeħtieġ li tkompli tuża s-sustanza jew tqiegħdha fis-suq wara d-data tat-terminazzjoni, int jew kumpanija oħra fil-katina tal-provvista tiegħek ikollok bżonn tapplika għall-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mid-data tal-applikazzjoni speċifikata fil-Lista ta’ Awtorizzazzjoni.

Kopertura tal-katina tal-provvista

Il-manifatturi, l-importaturi jew l-utenti downstream jistgħu japplikaw għal awtorizzazzjoni iżda hemm differenzi fil-kopertura tal-katina tal-provvista skont min japplika. Awtorizzazzjoni mogħtija tkopri l-katina ta’ provvista downstream sħiħa tal-applikant għall-użu speċifiku. Hija tkopri wkoll il-fornitur immedjat tal-applikant (iżda pass wieħed biss ’l fuq fil-katina tal-provvista) sakemm dan il-fornitur ma jkunx qiegħed juża s-sustanza nnifisha.

Il-komunikazzjoni tal-katina tal-provvista hija importanti biex issir taf x’qed jippjanaw oħrajn u biex potenzjalment jiġi żviluppat pjan flimkien. Is-Servizz tal-Imsieħba jista’ jintuża jew biex issib sħab potenzjali (bħal kumpaniji, konsorzji, assoċjazzjonijiet tal-industrija u kumpaniji ta’ konsulenza) jew biex iżżid informazzjoni dwarek biex ħaddieħor ikun jista’ jsibek.

Applikazzjoni individwali jew konġunta?

Applikazzjoni tista’ tiġi sottomessa minn applikant wieħed jew minn grupp ta’ applikanti (jiġifieri applikazzjoni konġunta). Minħabba l-kumplessità possibbli u l-kwistjonijiet tekniċi ta’ applikazzjonijiet konġunti, l-ECHA tirrakkomanda li inti tiżviluppa u tissottometti applikazzjoni konġunta meta:

  1. il-koapplikanti kollha tal-grupp japplikaw għall-użi kollha fl-applikazzjoni konġunta għall-awtorizzazzjoni, u
  2. jkunu sabu mod aċċettabbli biex jikkondividu l-informazzjoni kollha pprovduta fl-applikazzjoni.

F’każijiet kumplessi, jaf ikun aħjar li kull koapplikant jissottometti l-applikazzjoni tiegħu stess b’mod separat.

Żviluppa strateġija ta' applikazzjoni