Aċċess għal dokumenti

L-ECHA tipprovdi aċċess għal ħafna dokumenti ewlenin relatati mal-attivitajiet u l-proċessi tal-Aġenzija fuq is-sit web tagħha. Il-paġna web dwar it-trasparenza tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-kategoriji ta’ dokumenti ppubblikati fuq is-sit web tal-ECHA u l-links rilevanti.

Qafas legali 

L-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 15(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiggarantixxu l-prinċipju tat-trasparenza u d-drittijiet tal-individwi (ċittadini u residenti tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (“UE”)) li jaċċessaw dokumenti miżmuma mill-korpi tal-UE. It-trasparenza hija wieħed mill-valuri ewlenin tal-ECHA.  
 

L-aċċess għal dokumenti huwa rregolat mir-regoli u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li ġejjin:

  • Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-limiti dwar tali aċċess f’konformità mal-Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE u sar applikabbli għad-dokumenti miżmuma mill-ECHA – l-Artikolu 118(1) tar-Regolament REACH.

 

Jekk jogħġbok innota li talba għal aċċess għal dokumenti tista’ taqa’ taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament 1049/2001.

Applikazzjonijiet

Iċ-ċittadini tal-UE u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru tal-UE għandhom id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-ECHA skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. 

Sabiex jiġu pproċessati talbiet għal aċċess għal dokumenti, jeħtieġ li tiġi pprovduta ċerta data personali lill-Aġenzija. Id-data tiegħek se tiġi pproċessata f’konformità mar-regoli dwar il-privatezza tal-ECHA u f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.

Il-formola, l-indirizz jew in-numru tal-fax indikati hawn taħt għandhom jintużaw ukoll għal talbiet għal aċċess għal informazzjoni ambjentali miżmuma mill-ECHA skont ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006. Dan ir-Regolament jirreferi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għal Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għal Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità.

Talbiet għal aċċess għal dokumenti jistgħu jiġu sottomessi:

  • billi timla formola ta’ talba għal dokument
     
  • bil-posta ordinarja lil:
    L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)
    P.O. Box 400
    a FI-00121 Helsinki Finland
     
  • bil-fax: + 358 9 5897 5213

Sabiex inkunu nistgħu nipproċessaw it-talba tiegħek, jekk jogħġbok indika kunjomok, ismek, l-indirizz, il-belt u l-kodiċi postali, il-pajjiż, u n-numru tat-telefon.

Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali fl-istadju inizjali, l-applikanti jistgħu, fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta jirċievu t-tweġiba inizjali, jitolbu lill-ECHA tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha billi jissottomettu applikazzjoni konfermatorja lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.  

L-applikanti jistgħu jikkontestaw id-deċiżjoni konfermatorja tal-ECHA quddiem il-Qorti Ġenerali jew iressqu lment lill-Ombudsman Ewropew.