Reġistrazzjoni

F’reġistrazzjoni turi li s-sustanza li tittratta tiġi ġestita b’mod sikur tul il-katina tal-provvista, b’tali mod li jiġi żgurat li titħares is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Inti tipprovdi din l-informazzjoni f’dossier ta’ reġistrazzjoni li jiġi sottomess lill-ECHA.

Id-dokumentazzjoni li trid tissottometti tiddependi mill-volum tas-sustanza li tqiegħed fis-suq, il-perikli tas-sustanza, u jekk is-sustanza tintużax biss bħala sustanza intermedja fil-manifattura ta’ sustanza oħra f’kundizzjonijiet strettament ikkontrollati.

Id-dossier ta’ reġistrazzjoni jinkludi deskrizzjoni tal-użi tas-sustanza, il-karatteristiċi fiżikokimiċi, ekotossikoloġiċi u tossikoloġiċi, kif ukoll valutazzjoni tal-periklu u tar-riskji li turi kif inhuma kkontrollati r-riskji mill-użu tas-sustanza.

Ir-reġistrazzjonijiet jiġu sottomessi f’format IUCLID permezz ta’ għodda msejħa REACH-IT. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ikollok tħallas tariffa ta’ reġistrazzjoni.

 

 

Ir-reġistrazzjoni tapplika għas-sustanzi

Kull sustanza teħtieġ ir-reġistrazzjoni tagħha stess. Jekk tittratta taħlitiet ta’ sustanzi, bħalma huma d-deterġenti u ż-żebgħa, jew oġġetti li huma intenzjonati biex jerħu sustanzi, bħal tixjus b’lożjoni, trid tirreġistra s-sustanzi differenti li jinsabu fit-taħlita jew fl-oġġett separatament.

Trid tidentifika u ssemmi s-sustanzi tiegħek skont ċerti regoli u kriterji, biex b’hekk tkun tista’ tara jekk is-sustanzi tiegħek humiex l-istess bħal f’kumpaniji oħrajn. Jekk dan huwa l-każ, tridu tirreġistraw is-sustanza flimkien.

 

Kif tirreġistra ma’ kumpaniji oħra
Trid tirreġistra qabel timmanifattura jew timporta

Issa, trid tirreġistra kull sustanza qabel ma timmanifatturaha jew timportaha fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

Qabel il-31 ta’ Mejju 2018, it-tip ta’ sustanza tiegħek (ta’ introduzzjoni gradwali jew mhux ta’ introduzzjoni gradwali) kienet tiddetermina meta kellek tissottometti r-reġistrazzjoni tiegħek. Għal kwalunkwe dossier sottomess wara l-31 ta’ Mejju 2018, trid tistenna sakemm tirċievi n-numru ta’ reġistrazzjoni tiegħek qabel tibda timmanifattura jew timporta s-sustanza tiegħek.

 

 

Parir prattiku dwar tibdil fir-reġistrazzjoni

Is-sistema tranżitorja għar-reġistrazzjoni ta’ sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali spiċċat fil-31 ta’ Mejju 2018. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1692 ikkjarifika kif is-sustanzi għandhom jiġu reġistrati wara din id-data.

1. Kalkolu tal-kwantitajiet kull sena kalendarja

Mill-1 ta’ Jannar 2020, għandek tiddetermina l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tiegħek abbażi tal-volum tas-sustanza li timmanifattura jew li timporta kull sena kalendarja. Il-kalkolu bbażat fuq il-medja ta’ tliet snin għal sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali ma għadux japplika.

Għal aktar informazzjoni ara t-taqsima “L-obbligi ta’ reġistrazzjoni tiegħek”.

2. Il-prereġistrazzjonijiet mhumiex se jibqgħu jintużaw

Mill-1 ta’ Jannar 2020, ma tistax tibqa’ tuża l-prereġistrazzjoni tiegħek bħala l-punt tat-tluq għar-reġistrazzjoni tas-sustanza tiegħek. Minflok, qabel ma tirreġistra, trid tissottometti talba għal informazzjoni lill-ECHA.

3. Dmir li wieħed jistaqsi dwar kull sustanza

Mill-1 ta’ Jannar 2020, id-dmir li wieħed jistaqsi se japplika wkoll għal sustanzi li tkun ipprereġistrajt qabel, iżda li ma jkunux għadhom ġew reġistrati. Jekk qed tippjana li tirreġistra xi sustanza, għandek tistaqsi lil-ECHA biex tara jekk diġà ġietx sottomessa reġistrazzjoni għal dik is-sustanza. Imbagħad tirċievi d-dettalji ta’ kuntatt tar-reġistranti preċedenti, jekk dawn ikunu fil-bażi tad-data, biex jgħinuk f’dak li jirrigwarda l-obbligi ta’ kondiviżjoni tad-data u ta’ reġistrazzjoni konġunta.

Għal aktar informazzjoni, ara t-taqsima “Kif issib il-koreġistranti tiegħek”.

4. Il-koreġistranti jkomplu jaħdmu flimkien

Għalkemm formalment il-parteċipanti ta’ Fora ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar Sustanzi (SIEFs) m’għadx għandhom l-obbligu li jwieġbu għal talbiet, l-obbligu tal-kondiviżjoni tad-data u r-reġistrazzjoni konġunta għadu japplika għall-koreġistranti kollha tal-istess sustanza.

Il-koreġistranti xorta għandhom jagħmlu kull sforz possibbli biex jikkondividu d-data bejniethom u biex jiżguraw li l-kost tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni jiġi ddeterminat b’mod ġust, trasparenti u nondiskriminatorju.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jirrakkomanda li r-reġistranti jużaw pjattaformi ta’ komunikazzjoni informali simili bħal dawk li kienu jużaw sal-31 ta’ Mejju 2018 biex jirreġistraw sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali.

Għal aktar informazzjoni ara t-taqsima “Ħidma konġunta”.

5. Tip wieħed biss ta’ tilwim dwar il-kondiviżjoni tad-data

Mill-1 ta’ Jannar 2020, tista’ tissottometti tilwim dwar il-kondiviżjoni tad-data skont l-Artikolu 27 biss. Mhux se jkun aktar possibbli li jiġi sottomess tilwim skont l-Artikolu 30, anki jekk in-negozjati jkunu bdew qabel il-31 ta’ Mejju 2018. Dan ifisser li l-applikanti jistgħu jirċievu permess biex jirreferu għall-istudji kollha fir-reġistrazzjoni (l-Artikolu 27), minflok għall-istudji fuq annimali vertebrati biss (l-Artikolu 30).

Għal aktar informazzjoni, ara t-taqsima “Ħidma konġunta” > “Tilwim fil-prattika”.

6. Rekwiżiti ta’ informazzjoni inqas stretti għadhom opzjoni

Sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali li ma jissodisfawx il-kriterji fl-Anness III għal REACH jistgħu jkomplu jibbenefikaw minn rekwiżiti ta’ informazzjoni inqas stretti meta tirreġistrahom fil-medda l-aktar baxxa ta’ tunnellaġġ (1-10 tunnellata fis-sena).

Jekk is-sustanza tiegħek tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tibbenefika minn rekwiżiti ta’ informazzjoni mnaqqsa, tista’ tirreġistraha billi tissottometti dossier ta’ reġistrazzjoni li jkun fih biss informazzjoni dwar il-karatteristiċi fiżikokimiċi tagħha. Inkella, tista’ tissottometti r-reġistrazzjoni tiegħek bl-informazzjoni kollha meħtieġa għal reġistrazzjoni ta’ 1–10 tunnellati fis-sena, u titlob eżenzjoni mit-tariffa biex tibbenefika minn tnaqqis fit-tariffa tar-reġistrazzjoni tiegħek.

Għal aktar informazzjoni, ara t-taqsima “X’informazzjoni għandek bżonn” > “Rekwiżiti ta’ informazzjoni inqas stretti”. Din l-opzjoni tapplika biss għal sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali.

7. Dikjarazzjoni tal-istatus ta’ introduzzjoni gradwali tas-sustanza tiegħek

Minħabba li s-sistema tranżizzjonali għal sustanzi ta’ introduzzjoni gradwali spiċċat, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet m’għadx hemm bżonn tiddikjara l-istatus ta’ introduzzjoni gradwali fir-reġistrazzjoni tiegħek.

Madankollu, fil-każijiet li ġejjin trid tkompli tiddikjara l-istatus ta’ introduzzjoni gradwali tas-sustanza fir-reġistrazzjoni tiegħek:

  • Jekk tirreġistra sustanza ta’ introduzzjoni gradwali li ma tissodisfax il-kriterji tal-Anness III fil-medda l-aktar baxxa ta’ tunnellaġġ (1-10 tunnellati fis-sena) b’rekwiżiti ta’ informazzjoni mnaqqsa;
  • Jekk tirreġistra sustanza ta’ introduzzjoni gradwali li ma tissodisfax il-kriterji tal-Anness III fil-medda l-aktar baxxa ta’ tunnellaġġ (1-10 tunnellati fis-sena), bir-rekwiżiti ta’ informazzjoni standard u titlob eżenzjoni mit-tariffa;
  • Jekk tagħmel talba għall-kunfidenzjalità għal perjodu ta’ 6 snin fuq l-isem tas-sustanza mhux ta’ introduzzjoni gradwali tiegħek.

Għandek tiddetermina l-istatus ta’ introduzzjoni gradwali tas-sustanza tiegħek abbażi tad-definizzjoni ta’ sustanza ta’ introduzzjoni gradwali. Huwa irrelevanti jekk ipprereġistrajtx is-sustanza jew le.

Sustanza tiġi definita bħala sustanza ta’ introduzzjoni gradwali jekk tissodisfa mill-inqas wieħed mill-kriterji li ġejjin:

  1. Hija elenkata fl-Inventarju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi Kummerċjali Eżistenti (EINECS). [Sustanzi b’numru EC li jibdew bi 2 jew 3 huma elenkati fl-EINECS.]
  2. Ġiet manifatturata/importata fi Stat Membru, iżda ma tqiegħditx fis-suq mill-manifattur jew mill-importatur, bejn l-1 ta’ Ġunju 1992 u l-31 ta’ Mejju 2007, sakemm ikollok evidenza dokumentata ta’ dan.
  3. Tqiegħdet fis-suq fi Stat Membru qabel l-1 ta’ Ġunju 2007 mill-manifattur jew mill-importatur u tikkwalifika bħala “mhux aktar polimeru” (NLP), sakemm ikollok evidenza dokumentata ta’ dan. [Sustanzi b’numru EC li jibdew b’5 huma NLP.]

Inkella, is-sustanza tiegħek hija sustanza mhux ta’ introduzzjoni gradwali.