Irrevedi l-klassifikazzjoni

Ftakar li l-klassifikazzjoni ta' taħlita jista' jkun teħtieġ li tiġi rriveduta għal ħafna raġunijiet.

 

Bidliet fil-klassifikazzjoni armonizzata tas-sustanzi tal-komponenti

Il-klassifikazzjoni u t-tikkettar armonizzati tas-sustanzi fl-Anness VI tas-CLP jistgħu jiġu mibdula meta informazzjoni ġdida ssir disponibbli u tkun ġiet riveduta. Dan jista' jaffettwa l-klassifikazzjoni tat-taħlita tiegħek. Dawn il-bidliet fil-klassifikazzjoni armonizzata jridu jiġu adottati wara perjodu tranżitorju ta' normalment tmintax-il xahar wara l-pubblikazzjoni tagħhom f'Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, waqt li teżamina d-dejta disponibbli relatata mal-klassifikazzjoni, jaf tkun identifikajt ċerti aspetti li għadhom qed jiġu diskussi. Pereżempju, proposta għall-klassifikazzjoni u t-tikkettar armonizzati ta' sustanza ġiet mibgħuta, iżda l-klassifikazzjoni u t-tikkettar armonizzati tas-sustanza għadhom mhumiex iffinalizzati u għadhom mhux inklużi fil-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament CLP jew sustanza għandha numru ta' entrati differenti fl-Inventarju C&L u diskussjoni biex jintlaħaq ftehim dwar il-klassifikazzjoni għadha għaddejja jew hija mbassra li ssir. Din hija indikazzjoni li l-klassifikazzjoni tas-sustanza daqt se tiġi emendata. F'dan il-każ, għandek iżżomm ruħek aġġornat/a billi tiċċekkja regolarment l-emendi ppubblikati tar-Regolament CLP (Adattamenti għall-Progress Tekniku, ATPs), l-entrati rilevanti fl-Inventarju C&L u l-opinjonijiet rilevanti tal-kumitati tekniċi u xjentifiċi (speċjalment l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Valutazzjoni tar-Riskji tal-ECHA).

 

Bidliet fil-klassifikazzjoni fl-iskeda b'dejta ta' sigurtà mingħand il-fornitur tiegħek

Meta l-fornitur tiegħek ikun biddel il-klassifikazzjoni ta' sustanza jew taħlita li tuża jew timporta, trid dejjem tevalwa mill-ġdid il-klassifikazzjoni tat-taħlita li tifformula jew timporta.

 

Bidliet fit-taħlita

Meta tiġi introdotta bidla f'taħlita jew minn formulatur fl-UE/ŻEE jew minn manifattur ta' taħlita impurtata mhux mill-UE/ŻEE, trid titwettaq evalwazzjoni ġdida. Bidla fil-klassifikazzjoni tista' tirriżulta minn:

a.     Bidla fil-konċentrazzjoni ta' konstitwent perikoluż wieħed jew iktar (ara t-Tabella 1.2 fl-Anness I tas-CLP).

b.    Bidla fil-kompożizzjoni li tinvolvi s-sostituzzjoni jew iż-żieda ta' konstitwent wieħed jew iktar.

c.     Varjazzjoni sinifikanti minn lott għal lott tista' teħtieġ evalwazzjoni tal-klassifikazzjoni ġdida. Varjazzjonijiet żgħar mhux bilfors jaffettwaw il-klassifikazzjoni. Dan huwa spjegat fil-Kapitolu 1.6.3.2.2 tal-Gwida dwar l-applikazzjoni tal-kriterji CLP (Prinċipji ta' tqarrib - Lottijiet).

 

Informazzjoni ġdida dwar is-sustanzi

Il-proċess tar-reġistrazzjoni skont ir-Regolament REACH jeħtieġ il-ġbir estensiv u l-ġenerazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sustanzi. Dan irriżulta f'żieda sinifikanti fl-informazzjoni disponibbli u għalhekk ta' spiss twassal għal rekwiżit għar-reviżjoni tal-klassifikazzjoni u t-tikkettar tat-taħlitiet li fihom dawn is-sustanzi.

 

Bidliet fil-kriterji

Bidla fil-klassifikazzjoni ta' taħlita tista' tirriżulta wkoll minn bidliet fil-leġiżlazzjoni, speċjalment bidliet fil-kriterji tal-klassifikazzjoni b'riżultat ta' adattament għall-progress tekniku (ATP) għas-CLP. Bidliet bħal dawn fil-kriterji CLP iridu jiġu adottati wara perjodu tranżitorju ta' normalment tmintax-il xahar wara l-pubblikazzjoni tagħhom f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Peress li trid tadatta l-klassifikazzjoni tat-taħlita tiegħek skont ir-riżultat tal-evalwazzjoni l-ġdida u taġġorna wkoll it-tikketta u l-iskeda b'dejta ta' sigurtà kemm jista' jkun malajr, kun żgur li tibqa' aġġornat/a kemm bl-informazzjoni l-ġdida li toħroġ kif ukoll bil-bidliet leġiżlattivi. Għandek tistabbilixxi wkoll pjan biex tirreaġixxi għal żviluppi ġodda dwar il-klassifikazzjoni u t-tikkettar mingħajr dewmien bla bżonn.