Passi

L-adozzjoni ta’ restrizzjoni ġdida fuq il-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanzi tinvolvi l-passi ewlenin li ġejjin:

1. Ħidma preparatorja

Stat Membru, il-Kummissjoni Ewropea jew l-ECHA jista’ jkollhom tħassib li ċerta sustanza tippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. F’dan il-każ, twettaq ħidma preparatorja biex tinvestiga aktar il-problema.

2. Notifika tal-intenzjoni ta’ tħejjija ta’ dossier ta’ restrizzjonijiet

Jekk l-Istat Membru, il-Kummissjoni jew l-ECHA jikkonkludu li restrizzjoni tidher li hija l-aħjar triq ’il quddiem, għandhom jinnotifikaw l-intenzjoni tagħha li se jħejju dossier ta’ restrizzjonijiet. L-ECHA żżomm Reġistru tal-Intenzjonijiet (RoI, Registry of Intentions) li huwa disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-ECHA. Jippermetti lill-partijiet interessati jħejju l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-proċess.

3. Tħejjija tad-dossier ta’ restrizzjonijiet

Id-dossier ta’ restrizzjonijiet għandu jinkludi informazzjoni dwar perikli u riskji, informazzjoni disponibbli dwar alternattivi u ġustifikazzjoni għar-restrizzjonijiet fil-livell tal-UE kollha. Id-dossier irid juri li restrizzjoni hija l-aktar strument xieraq għall-immaniġġjar tar-riskju biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati. Id-dossier ta’ restrizzjonijiet jista’ jinkludi wkoll analiżi tal-impatti soċjoekonomiċi. Il-proposta għandha titħejja skont ir-rekwiżiti mogħtija fl-Anness XV ta’ REACH. Id-dossier għandu jiġi ppreżentat fi żmien 12-il xahar min-notifika fir-Reġistru tal-Intenzjonijiet.

4. Preżentazzjoni tad-dossier ta’ restrizzjonijiet

Attwalment l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw proposti għal restrizzjonijiet permezz ta’ email jew permezz ta’ CIRCA BC.

5. Verifika tal-konformità

Il-Kumitati jivverifikaw jekk id-dossier ta’ restrizzjonijiet ippreżentat jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Anness XV ta’ REACH.

6. Konsultazzjoni pubblika dwar ir-rapport tar-restrizzjoni

Rapporti tar-restrizzjonijiet li jkunu konformi jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-ECHA, eskluża kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw kummenti dwar ir-rapport tar-restrizzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn fi żmien sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom.

7. Parir mill-Forum

Il-Forum jista’ jipprovdi parir lir-RAC u lis-SEAC dwar l-eżegwibilità tar-restrizzjoni proposta.

8. It-tħejjija u l-adozzjoni tal-opinjoni tar-RAC

Fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport tar-restrizzjoni, ir-RAC iħejji u jadotta opinjoni bbażata fuq id-dossier ta’ restrizzjonijiet u l-kummenti li jkunu waslu matul il-konsultazzjoni pubblika.

9. It-tħejjija u l-qbil dwar l-abbozz ta’ opinjoni tas-SEAC

Fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tar-rapport tar-restrizzjoni, is-SEAC iħejji u jaqbel dwar abbozz ta’ opinjoni bbażat fuq id-dossier ta’ restrizzjonijiet, l-impatti soċjoekonomiċi, u l-kummenti u l-informazzjoni soċjoekonomika li jkunu waslu matul il-konsultazzjoni pubblika.

10. Konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz ta’ opinjoni tas-SEAC

L-abbozz ta’ opinjoni tas-SEAC u l-opinjoni finali tar-RAC jitpoġġew fuq is-sit web tal-ECHA. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw kummenti dwar l-abbozz ta’ opinjoni tas-SEAC fi żmien 60 jum mill-pubblikazzjoni.

11. It-tħejjija u l-adozzjoni tal-opinjoni tas-SEAC

Is-SEAC iħejji u jadotta l-opinjoni finali filwaqt li jqis il-kummenti dwar l-abbozz ta’ opinjoni tiegħu.

12. L-opinjonijiet jintbagħtu lill-Kummissjoni

L-ECHA tibgħat l-opinjonijiet tar-RAC u tas-SEAC flimkien ma’ dokumenti rilevanti ta’ sfond lill-Kummissjoni Ewropea. Dawn jiġu ppubblikati wkoll fuq is-sit web tal-ECHA.

13. It-tħejjija u l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar restrizzjoni

Fi żmien tliet xhur minn meta jaslu l-opinjonijiet tal-kumitati, il-Kummissjoni tħejji abbozz ta’ emenda għal-lista ta’ restrizzjonijiet.

Jekk la l-Kunsill u lanqas il-Parlament Ewropew ma jopponi għar-restrizzjoni, il-Kummissjoni tadottaha. Id-deċiżjoni dwar restrizzjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali bħala emenda skont l-Anness XVII ta’ REACH.

14. Konformità mar-restrizzjoni

Ladarba tiġi adottata r-restrizzjoni għas-sustanza l-industrija għandha tikkonforma magħha. L-industrija tirreferi għal kull persuna indirizzata fir-restrizzjoni, bħal manifatturi, importaturi, distributuri, utenti downstream jew bejjiegħa bl-imnut.

15. Infurzar tar-restrizzjoni

L-Istati Membri huma responsabbli għall-infurzar tar-restrizzjoni.