Atturi

 

L-atturi ewlenin fil-proċess ta’ valutazzjoni huma:

Ir-reġistranti

Persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li timmanifattura jew timporta sustanza fiż-ŻEE fi kwantitajiet ta’ tunnellata jew aktar fis-sena, jew li tkun inħatret bħala rappreżentant uniku skont l-Artikolu 8 tar-Regolament REACH, tista’ taġixxi bħala reġistrant.

Rwol: REACH jirrikjedi li r-reġistranti jipprovdu informazzjoni dwar il-proprjetajiet intrinsiċi ta’ sustanza u li jagħtu prova li s-sustanza tagħhom tintuża b’mod sigur. L-informazzjoni meħtieġa għal kull sustanza tiddependi fuq it-tunnellaġġ immanifatturat jew importat; akbar ma jkun it-tunnellaġġ, aktar tkun trid tiġi ppreżentata informazzjoni. Is-sottomissjoni tinkludi dossier tekniku u, għas-sustanzi mmanifatturati jew importati fi kwantitajiet ta’ 10 tunnellati jew aktar fis-sena, rapport dwar is-sigurtà kimika.

Partijiet terzi

Il-partijiet terzi huma ċittadini, organizzazzjonijiet, akkademiċi, kumpaniji jew awtoritajiet għajr reġistrant.

Rwol: Il-partijiet terzi jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar proposti ta’ ttestjar li jinvolvu annimali vertebrati.

Is-Segretarjat

tal-ECHA
Is-Segretarjat tal-ECHA huma l-impjegati kollha li jaħdmu fuq il-proċessi ta’ reġistrazzjoni u valutazzjoni kif ukoll it-tħejjija ta’ gwida, iż-żamma ta’ bażijiet ta’ data u l-għoti ta’ informazzjoni. Is-segretarjat tal-ECHA jiżgura wkoll approċċ armonizzat u jikkoordina l-ħidma li ssir mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.
Rwol: Is-Segretarjat tal-ECHA jappoġġa lill-Kumitati u lill-Forum billi jipprovdi l-aqwa servizzi xjentifiċi, tekniċi u regolatorji possibbli b’mod effiċjenti u trasparenti.
Il-Kumitat tal-Istati Membri (MSC)
Il-Kumitat tal-Istati Membri huwa kumitat li għalih kull Stat Membru jaħtar membru wieħed għal perjodu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded.
Rwol: Il-Kumitat tal-Istati Membri jfittex il-qbil unanimu dwar l-abbozz ta’ deċiżjonijiet ta’ valutazzjoni. Dawn l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet jiġu diskussi u maqbula mill-Kumitat tal-Istati Membri fil-laqgħat tiegħu, jew inkella, jista’ jintlaħaq qbil permezz ta’ proċedura bil-miktub.

L-Istati Membri

L-Istati Membri huma r-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri maħtura mill-Ministeri ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Rwol: L-Istati Membri jistgħu jikkummentaw dwar l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-ECHA u jipproponu emendi għalihom.

Huma jistgħu wkoll jipproponu sustanzi għall-valutazzjoni tas-sustanza.

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea hija l-eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea u tippromwovi l-interess ġenerali tagħha.

Rwol: Id-deċiżjonijiet ta’ valutazzjoni kollha meħuda mill-ECHA jridu jiġu appoġġati b’mod unanimu mill-Istati Membri. Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil unanimu, il-Kummissjoni Ewropea trid tħejji l-abbozz ta’ deċiżjoni li għandha tittieħed skont il-proċedura ta’ eżami [skont l-Artikoli 5 u 13(1)(c) tar-Regolament 182/2011].