Komunikazzjoni fil-katina tal-provvista

Skedi ta' dejta ta' sigurtà

safety data sheet L-iskedi ta' dejta ta' sigurtà jinkludu informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sustanza jew it-taħlita, il-perikli tagħha u struzzjonijiet għat-trattament, rimi u trasport u anke miżuri tal-ewwel għajnuna, tifi tan-nar u kontroll tal-esponiment.    Il-format u l-kontenut tal-iskedi ta' dejta ta' sigurtà huma speċifikati f'REACH. Għandha tiġi pprovduta skeda ta' dejta ta' sigurtà lill-utenti downstream għal: 

  • Sustanza jew taħlita li hija kklassifikata bħala perikoluża skont CLP.
  • Sustanza li hija persistenti, bijoakkumulattiva u tossika (PBT) jew persistenti ħafna u bijoakkumulattiva ħafna (vPvB), jew
  • Sustanza li hija inkluża fil-Lista ta' Kandidati ta' sustanzi ta' tħassib għoli ħafna (SVHCs).

Madankollu, jekk is-sustanza jew it-taħlita tinbiegħ ukoll lill-pubbliku ġenerali, m'hemmx bżonn li tiġi pprovduta SDS sakemm ma jkunx mitlub minn utent downstream jew distributur. 

Għal taħlitiet li mhumiex ikklassifikati bħala perikolużi iżda li fihom ċerti sustanzi perikolużi, għandha tiġi pprovduta SDS jekk mitlub minn utenti downstream jew distributuri. 

Id-dejta dwar is-sigurtà għandha tiġi aġġornata mingħajr dewmien jekk issir disponibbli informazzjoni ġdida dwar il-perikli jew il-ħtieġa ta' miżuri ta' ġestjoni tar-riskju aktar stretti. 

Meta l-utenti downstream jirċievu skeda ta' dejta ta' sigurtà, jeħtieġ li jidentifikaw u japplikaw miżuri xierqa biex jikkontrollaw b'mod adegwat ir-riskji. Il-fornituri u r-riċevituri ta' SDSs huma mħeġġa sabiex jivverifikaw li l-informazzjoni meħtieġa tiġi pprovduta. Ġiet żviluppata lista ta' kontroll mill-ECHA u l-awtoritajiet ta' infurzar li hija disponibbli għal dan l-għan. L-utenti downstream huma mħeġġa sabiex jinfurmaw lill-fornituri tagħhom dwar l-ineżattezzi jew l-inkonsistenzi fl-SDS irċevuta. 

Meta ma jkunux meħtieġa skedi ta' dejta ta' sigurtà, il-fornitur għandu xorta waħda jipprovdi biżżejjed informazzjoni għal użu sigur. Jekk tkun tapplika restrizzjoni jew awtorizzazzjoni għal xi sustanza, għandhom jiġu pprovduti d-dettalji meħtieġa. Il-fornituri tal-oġġetti li fihom aktar minn 0.1 % w/w ta' sustanza fuq il-Lista ta' Kandidati għandhom jipprovdu biżżejjed informazzjoni biex jippermettu l-użu sigur tal-oġġett lill-utenti downstream u lid-distributuri.

Xenarji ta' esponiment

Ix-xenarji ta' esponiment jipprovdu informazzjoni dwar kif l-esponiment tal-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent għas-sustanzi perikolużi jista' jiġi kkontrollat matul l-użu. Għandhom jiġu inklużi xenarji ta' esponiment rilevanti bħala anness għall-iskeda ta' dejta ta' sigurtà ta' sustanza meta kumpanija fil-katina tal-provvista tkun wettqet valutazzjoni dwar is-sigurtà kimika skont REACH.

L-armonizzazzjoni u l-awtomazzjoni huma elementi essenzjali għal komunikazzjoni effiċjenti. Biex jiġi appoġġjat dan, intlaħaq qbil dwar format ta' tfassil komuni għax-xenarji ta' esponiment u ġie żviluppat il-katalogu ta' frażijiet standard u format tal-IT ta' ESCom (ESComXML). Dan jippermetti skambju awtomatizzat ta' informazzjoni armonizzata dwar l-użu sigur ta' sustanzi kimiċi bejn id-diversi atturi fil-katina tal-provvista u s-sistemi tagħhom stess.

Meta l-utenti downstream jirċievu xenarji ta' esponiment, dawn għandhom jivverifikaw li jkopru l-użu tagħhom stess tas-sustanza u l-kundizzjonijiet tagħhom ta' użu jew jieħdu azzjoni alternattiva.

Il-formulatur ta' taħlitiet perikolużi għandu jidentifika l-informazzjoni rilevanti mix-xenarji ta' esponiment li għandu jikkomunika, u anki dwar kif għandu jikkomunika bl-aħjar mod din l-informazzjoni

Ġew żviluppati żewġ approċċi mill-industrija biex tiġi identifikata l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata. Approċċ minnhom, imsejjaħ "informazzjoni dwar l-użu sigur ta' taħlitiet" (SUMI), huwa fejn l-organizzazzjonijiet tas-settur jidentifikaw miżuri ta' ġestjoni tar-riskju għal prodotti u użi tipiċi fi ħdan is-settur. Dawn jiġġeneraw SUMIs li jagħtu dan il-parir b'mod li jiffavorixxi lill-utent u bbażati fuq mudell li ntlaħaq qbil dwaru.

Il-formulaturi jagħżlu l-SUMI xierqa għall-prodott tagħhom, u jivverifikaw li hija konsistenti max-xenarji ta' esponiment irċevuti mill-fornituri tagħhom. Il-grupp ta' Koordinazzjoni tal-Utenti Downstream ta' Sustanzi Kimiċi (DUCC) ippubblika dokument ta' spjega.

It-tieni approċċ, imsejjaħ "identifikazzjoni tal-komponent ewlieni" (LCID), huwa maħsub għal sitwazzjonijiet meta SUMI xierqa ma tkunx disponibbli. Il-formulatur jidentifika l-komponenti ewlenin f'taħlita u jikseb informazzjoni dwar l-użu sigur għat-taħlita mill-miżuri ta' ġestjoni tar-riskju għall-komponenti ewlenin. Cefic ippubblika gwida prattika dwar il-metodoloġija LCID.

Il-formulaturi jistgħu jagħżlu li jikkomunikaw l-informazzjoni rilevanti mix-xenarji ta' esponiment tas-sustanzi tal-ingredjenti b'diversi modi:

 

1. Jintegraw l-informazzjoni fil-korp prinċipali tal-iskeda ta' dejta ta' sigurtà

Dan huwa xieraq meta r-riċevituri huma utenti aħħarin u meta hemm numru relattivament żgħir ta' użi identifikati u/jew kundizzjonijiet ta' użu u miżuri ta' ġestjoni tar-riskju konsistenti.

 

2. Jehmżu informazzjoni dwar l-użu sigur għat-taħlita bħala anness għall-iskeda ta' dejta ta' sigurtà

Dan huwa xieraq meta jkun hemm firxa ta' użi b'kundizzjonijiet ta' użu differenti. Intlaħaq qbil dwar format armonizzat fost l-organizzazzjonijiet tas-settur, imsejjaħ mudell SUMI.

 

3. Jehmżu xenarji ta' esponiment rilevanti għas-sustanzi fit-taħlita bħala anness għall-iskeda ta' dejta ta' sigurtà

Dan huwa xieraq meta r-riċevituri huma formulaturi wkoll, u jiġġeneraw skedi ta' dejta ta' sigurtà għat-taħlitiet tagħhom stess. Jista' jkun ukoll xieraq għall-utenti aħħarin tat-taħlita meta l-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju xierqa għal użu identifikat ikunu speċifikati b'mod ċar f'xenarju tal-esponiment partikolari għal kull użu identifikat. Meta jkun hemm diversi fornituri tal-istess sustanza, jista' jiġi ġġenerat xenarju ta' esponiment konsolidat.

Għal aktar informazzjoni dwar l-għażliet differenti u l-applikabbiltà tagħhom, ara t-taqsima 7.2 tal-Gwida għall-Utenti Downstream tal-ECHA.